Knisja Lokali

Mużew konformi għal nies bl-awtiżmu

Il-Mużew tal-Katidral tal-Imdina sar l-ewwel wieħed f’Malta tajjeb għal persuni li jbatu mill-awtiżmu. Dan permezz ta’ proġett innovattiv biex it-tfal bl-awtizmu jkun jistgħu jżuru l-Mużew f’ħinijiet speċjalizzati għalihom.

B’hekk, kif spjega Tony Cassar, il-persuna responsabbli mill-proġett, dawn ikollhom ambjent sikur għalihom, partikolarment minħabba din il-kundizzjoni. Barra minhekk, inħolqot ukoll Safe Room, fejn persuna li tħossha diżorjentata, tkun tista’ tingħata l-ewwel għajnuna ma’ dawk qrib tagħhom.

Għall-Arċisqof ta’ Malta, Mons Charles J. Scicluna, dawk li jbatu minn din il-kundizzjoni huma nies speċjali b’sensibbiltà qawwija għall-arti, il-mużika u l-matematika, fost l-oħrajn. Qal li permezz ta’ dan il-proġett, dawn jafu jissensibilizzaw is-sensi tagħhom.

Kompla li dan hu messaġġ ta’ impenn mill-organizzazzjonijiet kollha nvoluti, filwaqt li appella biex dawn il-postijiet jinfetħu aktar għal kulħadd.

Fil-Mużew tal-Katidral tal-Imdina hemm għadd ta’ kollezzjonijiet importanti ta’ artisti, fosthom dawk li kienu jinsabu f’kollezzjonijet privati.

Il-proġett b’risq it-tfal li jbatu mill-awtiżmu seta’ jsir wara li l-Fondazzjoni Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi kisbet fondi f’isem il-Mużew tal-Katidral. Dan jilħaq il-qofol ta’ sentejn ħidma biex ikun aġġornat għaż-żminijiet tal-lum u jkun aktar aċċessibbli.

Il-viżitaturi li jbatu bl-awtiżmu se jgawdu minn dan is-servizz wara li l-impjegati tal-Mużew ingħataw taħriġ intensiv, filwaqt li nħolqu mapep multi-sensorjali li jindikaw żoni speċifiċi għalihom. Informazzjoni oħra f’dan is-sens tista’ tinkiseb ukoll mis-sit elettroniku tal-Mużew.