Futbol Sport

Penalty lejn it-tmiem ta’ Ronaldo jħalli lil Juventus fil-quċċata

(Ritratt: EPA)

Iċ-champions Juventus wieġbu għar-rebħa ta’ Inter it-Tlieta biex reġgħu jinsabu fil-quċċata tal-klassifika. Napoli u Atalanta ħadu punt kull wieħed fi draw divertenti iżda bi protesti kbar min-Naplitani lejn it-tmiem. Cagliari komplew jirbħu, Fiorentina rritornaw għar-rebħ, Sampdoria għadhom bla rebħa u t-timijiet ta’ Ruma kisbu rebħiet kbar.

CAGLIARI – Ikompli l-kampjonat mill-aqwa ta’ Cagliari li fis-Sardegna Arena għelbu lil Bologna 3-2. Kien FEDERICO SANTANDER li minn penalty fit-23 minuta poġġa lil Bologna fil-vantaġġ iżda JOAO PEDRO ġab id-draw b’xutt li kien imxellef fit-48 minuta. GIOVANNI SIMEONE poġġa lil Cagliari minn fuq meta qabbeż fuq Lukasz Skorupski, b’JOAO PEDRO jagħmel l-iskor 3-1 b’xutt fil-baxx. Bologna naqqsu d-distakk lejn it-tmiem b’awto-gowl tal-gowlkiper Robin Olsen.

TURIN – Juventus kellhom bżonn penalty fl-aħħar sekondi tal-logħba biex għelbu lil Genoa 2-1 fl-Allianz Stadium u baqgħu fil-quċċata. LEONARDO BONUCCI fetaħ l-iskor fis-36 minuta b’daqqa ta’ ras minn korner, b’CHRISTIAN KOUAME jġib id-draw erba’ minuti b’mod fortunat. Genoa kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas meta ġie muri t-tieni karta safra Francesco Cassata f’deċiżjoni kontestata mill-plejers ta’ Genoa. Juventus spiċċaw il-logħba b’għaxar plejers ukoll meta ntwera t-tieni karta safra Adrien Rabiot.

Cristiano Ronaldo kien għoddu skorja l-gowl tal-vantaġġ fit-92 minuta meta kompla għal ġewwa kross ta’ Juan Cuadrado iżda żewġ minuti wara ngħataw penalty meta r-referee ġġudika li Antonio Sanabria waqqa’ lil CRISTIANO RONALDO, bl-istess plejer jiskorja mill-11-il metru.

RUMA – Rebħa tajba għal Lazio li għelbu lil Torino 4-0 fi Stadio Olimpico, b’tal-aħħar ikomplu s-serje negattiva. Id-difensur FRANCESCO ACERBI fetaħ l-iskor fil-25 minuta b’xutt mill-isbaħ mid-distanza, b’CIRO IMMOBILE jirdoppja tmien minuti wara minn kontrattakk. L-istess CIRO IMMOBILE għamilhom tlieta fis-70 minuta minn penalty, b’awto-gowl ta’ Andrea Belotti lejn it-tmiem jissiġilla r-rebħa.

NAPLI – Draw ta’ 2-2 bejn Napoli u Atalanta fi Stadio San Paolo f’logħba missielta iżda kontestata speċjalment min-Naplitani. It-tim ta’ Carlo Ancelotti mar fil-vantaġġ fis-16-il minuta b’daqqa ta’ ras ta’ NIKOLA MAKSIMOVIC, iżda REMO FREULER ġab id-draw fil-41 minuta. ARKADIUSZ MILIK reġa’ poġġa lil Napoli fil-vantaġġ fil-71 minuta meta qabad lid-difiża avversarja fuq sieq waħda. Atalanta ġabu d-draw fis-86 minuta minn JOSIP ILICIC, b’Napoli jipprotestaw bi kbir għal penalty fuq Fernando Llorente li ma ngħatax fl-azzjoni ta’ qabel.

GENOVA – Sampdoria għadhom ifittxu l-ewwel rebħa hekk kif evitaw telfa fi Stadio Marassi kontra Lecce. GIANLUCA LAPADULA poġġa lil Lecce fil-vantaġġ mill-viċin fit-tmien minuta. Panagiotis Tachtsidis tkeċċa għal Lecce fit-72 minuta, b’Sampdoria jsalvaw il-logħba fid-90 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ GASTON RAMIREZ.

SASSUOLO – Fiorentina rritornaw għar-rebħa hekk kif għelbu lil Sassuolo 2-1 fil-Mapei Stadium. JEREMIE BOGA fetaħ l-iskor favur Sassuolo fl-24 minuta b’azzjoni u xutt mill-isbaħ. GAETANO CASTROVILLI ġab id-draw fit-63 minuta b’daqqa ta’ ras, bl-istess plejer iservi lil NIKOLA MILENKOVIC biex jiskorja l-gowl tar-rebħa fil-81 minuta.

UDINE – Rebħa faċli għal Roma fid-Dacia Arena kontra Udinese anki jekk lagħbu siegħa b’10 plejers minħabba li tkeċċa Federico Fazio. NICOLÒ ZANIOLO fetaħ l-iskor fit-13-il minuta b’xutt fil-baxx. CHRIS SMALLING irdoppja mill-viċin fil-51 minuta minn azzjoni ta’ korner, b’JUSTIN KLUIVERT ikabbar l-iskor tliet minuti wara. ALEKSANDAR KOLAROV jiskorja r-raba’ gowl fil-65 minn penalty.

Serie A

Ilbieraħ: Brescia v Inter 1-2, Parma v Verona 0-1

L-Erbgħa: Cagliari v Bologna 3-2, Juventus v Genoa 2-1, Lazio v Torino 4-0, Napoli v Atalanta 2-2, Sampdoria v Lecce 1-1, Sassuolo v Fiorentina 1-2, Udinese v Roma 0-4

Il-Ħamis: Milan v Spal 9.00pm