Lokali

Il-UĦM twissi b’azzjonijiet f’każ li l-Gvern jibqa’ ma jassorbix il-ħaddiema ta’ Steward

Il-UĦM Voice of the Workers qed twissi li lesta tieħu kwalunkwe azzjoni possibbli, fosthom anke legali, f’każ li l-Gvern jibqa’ ma jassorbix il-ħaddiema ta’ Steward Healthcare. Dan wara li ilha mis-Sajf tinsisti biex dan il-pass isir.

Il-Union qalet li l-kundizzjonijiet għall-impjegati ta’ Steward m’humiex l-istess bħal tal-kollegi impjegati mal-Gvern, bit-tmexxija ta’ Steward qed tibqa’ tinsisti li ma tagħtix l-istess pagi u kundizzjonijiet, f’sinjal ċar ta’ abbuż li l-Gvern qed iħalli jsir fl-Isptarijiet pubbliċi.

Għall-UĦM Voice of the Workers, dan hu prekarjat ieħor maħluq mill-Gvern, bi tħassib kien espress anke minn unions oħrajn. Fil-fatt, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), fost l-oħrajn, talbet lill-Gvern biex jieqaf jibgħat flus lil Steward Healthcare.

Kien anke fl-isfond tal-fatt li tgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tal-professjonisti tas-Saħħa li jaħdmu direttament ma’ Steward, li qed tinsisti mal-Gvern li għandu jassorbi lil dawn il-ħaddiema, anke ladarba dawn qed jaħdmu fi swali u mal-pazjenti li jaqgħu taħt is-servizz tal-Gvern.