Lokali

F’inqas minn xahar diġà sfrondat parti mill-Flyover tal-Marsa

Waqt id-diskors tal-budget fuq il-qasam tat-Trasport u l-Infrastruttura, il-Ministru tal-Finanzi, b’referenza għax-xogħlijiet ta’ toroq, qal li “ix-xogħol qed naraw li jsir sew, isir fiż-żmien stipulat u jkun miżmum kif jixraq”.

Waqt l-intervent tiegħu fil-Parlament, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport u l-Infrastruttura l-Perit Toni Bezzina qal illi meta tkun għaddej minn ċertu toroq li jkun għadu kemm sarilhom xi xogħol fuqhom, żgur wieħed ma jistax iserraħ rasu mill-kwalità tax-xogħol li jkun għadu kemm sar. Dan barra l-fatt illi jidher ċar li hemm nuqqas ta’ koordinament bejn diversi entitajiet tal-Gvern, speċjalment entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u bejn dawk li hu responsabbli minnhom il-Ministru għall-Enerġija u Immaniġjar tal-Ilma Joe Mizzi.

Fost diversi eżempji li semma, apparti dawk it-toroq li għalkemm kien hemm servizzi li ma nbidlux jew a dirittura huma nieqsa pero xorta ingħataw it-tarmak, semma wkoll il-Flyover tal-Marsa li infetaħ xahar ilu.

Immedjatament wara li dan il-Flyover ġie inawgurat mill-Prim Ministru Joseph Muscat u mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg b’tant pompa, tant Ii sar riċeviment li sewa lill-poplu Malti u Għawdxi madwar €40,000, huwa evidenti li x-xogħol ma laħaqx il-livel mixtieq. Apparti li parti mill-wiċċ tat-tarmak spiċċa mewġ mewġ tant li meta tkun għaddej minn fuq dan il-Flyover tkun qisek għaddej f’baħar imqalleb, f’inqas minn xahar parti minn dan il-Flyover diġà sfrondat, hekk kif jixdhu dawn ir-ritratti.

Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina għamel appell lill-Gvern biex jibdel il-mentalità ta’ kif qed isiru x-xogħlijiet ta’ toroq, u minflok jara li dawn x-xogħlijiet jibdew isiru kif titlob s-sengħa, b’konsultazzjoni wiesa u li fl-aħħar mill-aħħar il-poplu jieħu l-valur tal-flus li qed jitħallsu mit-taxxi tiegħu biex isiru dawn x-xogħlijiet.