Futbol Sport

FILMAT: Jamie Zerafa jittama li jerġa’ jiġih iċ-ċans li jilgħab barra minn Malta

Fl-istaġun li għadda, iż-żagħżugħ ta’ 21 sena Jamie Zerafa kellu esperjenza dik li hu jsejjaħ bħala l-ħolma tiegħu, jiġifieri li jilgħab il-futbol barra minn Malta. Sfortunatament għalih, l-esperjenza fis-Serbja damet staġun, iżda rritorna f’pajjiżna biex ikompli jgħolli l-livell tiegħu, bit-tama li jirnexxilu jikseb esperjenza oħra barra minn xtutna.

Fil-preżent hu jinsab b’self ma’ Santa Lucia, tim li qed jipprova jsalva postu mal-kbar fl-ewwel staġun fil-Kampjonat Premier. Zerafa bħalissa jifforma parti mit-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena. Hu għamel id-debutt mal-iskwadra ta’ Silvio Vella sena ilu f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Albanija u minn dakinhar żamm postu fl-iskwadra.

Il-karriera ta’ Jamie Zerafa sa issa

Jamie Zerafa għamel id-debutt fil-Kampjonat Premier ma’ Balzan fis-7 ta’ Novembru tal-2015 meta kien daħal bħala sostitut flok Alfred Effiong fil-konfront kontra Sliema Wanderers. F’dak l-istaġun hu kien daħal bħala sostitut darbtejn oħra u lagħab logħba sħiħa fl-FA Trophy, darbtejn fl-istaġun 2016/17 u fl-istaġun 2017/18 beda jidħol aktar regolari. Hu għamel id-debutt fil-UEFA Europa League fl-4 ta’ Lulju tal-2017 fid-draw ta’ 3-3 kontra Videoton.

L-istaġun li għadda kien differenti għal Zerafa hekk kif permezz tal-kuntatti li għandu d-Direttur ta’ Balzan Vladimir Simovic, Jamie Zerafa beda esperjenza ġdida fis-Serbja ma’ FK Indija. Sfortunatament għalih, hu għamel madwar xahrejn imweġġa’ u għalhekk meta rritorna ma setax ikun regolari. F’dan l-istaġun, Zerafa għażel li jkompli l-karriera f’pajjiżna u ngħaqad b’self ma’ Santa Lucia. Wara tmien logħbiet fil-Kampjonat Premier, Zerafa kien involut f’kull logħba u beda mill-bidu sitt logħbiet f’nofs il-grawnd tat-tim immexxi minn Oliver Spiteri.

L-esperjenza fis-Serbja ma’ FK Indija

Staqsejt lil Zerafa kif iddeċieda biex ħa din id-deċiżjoni u qal li “dejjem kienet ix-xewqa tiegħi, dejjem kont nitħarreġ għaliha li jkolli ċ-ċans li mmur nilgħab barra u meta ġieni ma stajtx ngħid le, allura ħtaft iċ-ċans u mort.” Waħda mir-raġunijiet prinċipali li l-esperjenza ta’ Jamie Zerafa ntemmet malajr, kienet li għamel madwar xahrejn imweġġa’ f’perjodu fejn it-tim tiegħu kien qed jilgħab l-Erbgħa u s-Sibt u għalhekk ftit kellu ċans li jilgħab, anki meta daħal lura fit-tim.

Ġurnata tipika ta’ Zerafa fis-Serbja kienet li t-tlett ijiem wara l-logħba jkunu intensivi b’taħriġ filgħodu u filgħaxija u jqattgħu aktar ħin flimkien bħala tim. “Il-ħajja differenti għaliex hemm taħseb biss fuq il-futbol. Kif ħa tmur u tagħti l-100% fis-sessjoni biex ikollok ċans tilgħab. Hemm il-kompetizzjoni biex iżżomm postok fit-tim hi ħafna ikbar, jiġifieri anki jkollok sessjoni ħażina, tinduna li trid tibqa’ tagħti l-100% tiegħek. Hawn Malta sfortunatament ġieli nirrilassaw naqra għaliex il-kompetizzjoni ferm iżgħar.”

Zerafa jitkellem dwar id-differenza fil-futbol li hemm bejn Malta u s-Serbja. Hu qal li jixtieq li jgħix ħajja professjonali f’pajjiżna iżda jsostni li l-futbol Malti għadu lura ħdejhom. Il-midfielder identifika li l-ewwel pass irid isir biex l-istaff tekniku u l-kumitati tal-klabbs ikunu full-time, imbagħad isir il-pass l-ieħor li l-plejers isiru professjonali. “Iktar ma ndum hawn Malta aktar iċ-ċans jonqos imma għadni qed nipprova. Nixtieq jerġa’ jiġini ċ-ċans li mmur nilgħab barra,” kompla Zerafa.

Għaliex Santa Lucia?

Wara l-esperjenza fis-Serbja, Zerafa rritorna f’pajjiżna fejn tkellem mal-President ta’ Balzan Anton Tagliaferro u d-Direttur Sportiv tal-klabb Vladimir Simovic dwar il-futur tiegħu. Wara madwar ġimagħtejn jaħsibha, iddeċieda li jingħaqad b’self ma’ Santa Lucia. Waħda mir-raġunijiet għalfejn għażel lil Santa Lucia hi li  “hawn ħafna żgħażagħ, ma hawnx plejers li lagħbu ħafna fil-futbol Malti, għoġobni l-istil tal-kowċ Oliver u l-President.”

F’dan l-istaġun, Zerafa qed ifittex li jilgħab kemm jista’ jkun, kif fil-fatt għamel sa issa. Iżda l-għan prinċipali jibqa’ biex jittama li jkollu ċ-ċans li jerġa’ jilgħab barra minn Malta. Santa Lucia sa issa kisbu disa’ punti minn tmien logħbiet fil-Kampjonat Premier u jinsabu fl-10 post. “Dejjem nilagħbu pożittiv, ma niddejqux mill-avversarji tagħna. Konna daqsxejn żvinturati, għandna nuqqas ta’ esperjenza imma naħseb li fil-futur jiġu aktar riżultati pożittivi li anki qed naħdmu fuqhom fis-sessjonijiet.” Zerafa hu kunfidenti li Santa Lucia mhux biss isalvaw iżda anki li javvanzaw fil-klassifika.