Il-Korea ta’ Fuq komunista sparat żewġ missili ‘ta’ tip mhux identifikat’ għal ġol-Baħar tal-Ġappun – magħruf ukoll bħala l-Baħar tal-Lvant — bil-Ministeru tad-Difiża Ġappuniż jistqarr li dawn dehru bħala missili ballistiċi.
F’każ ta’ konferma, din għandha tkun it-tnax il-prova ta’ missila mill-Korea komunista matul din is-sena. Dan meta r-reġim fi Pyongyang, ix-xahar li għadda, kien ipprova tip ġdid ta’ missila li jaħsbu li tista’ tkun sparata minn sottomarin.Skont it-teorija, il-missila inkwistjoni kapaċi ġġorr arma nukleari u l-fatt li din tista tkun sparata min sottomarin ifisser li jkun aktar diffiċli biex wieħed jindika l-pożizzjoni tagħha.
Sadanittant, l-isparaturi tal-aħħar sigħat, skont it-Tmexxija Militari tal-Korea t’Isfel, dehru li seħħew mill-provinċja ta’ Pyongan t’Isfel.
Il-gwardjani tal-kosta Ġappuniżi qalu, wara, li l-missili niżlu barra z-zona ekonomika marittima esklussiva tal-Ġappun. Dan waqt li l-militar tal-Korea t’Isfel sostna li għandu jkompli jissorvelja u ‘jinnota’ aktar provi ta’ dan it-tip min-naħa tal-ġar komunista.
L-aħħar prova tal-missili mir-reġim Korean komunista saret fl-istess żmien meta l-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, kien qed jattendi l-funeral ta’ ommu, li mietet aktar kmieni fil-ġimgħa. Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, qabel, kien esprima ‘il-kondoljanzi sinċieri’ filwaqt li bagħat messaġġ ta’ konsolazzjoni lil Moon Jae-in.
//= $special ?>