Lokali

Kurt Farrugia jibqa’ jistħi jgħid kemm idaħħal

Issa hu ċar li anke Kurt Farrugia jidher li qed jistħi jgħid kemm qed idaħħal bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise. Qed jistħi jgħid li bil-kuntratt wara li telaq minn Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru se jkun qed jaqla’ sa €500 kuljum.

Issa, Farrugia qed iwieġeb biss billi jgħid li tat-Times qed iqarrqu biċ-ċifri li ppubblikaw. Madankollu, mistoqsi direttament minn NET News biex jgħid liema ċifra ppubblikata hi dik tajba jew, jekk qed jipprova jgħid li l-ebda waħda ma hi tajba, liema hi l-paga vera tieghu, Kurt Farrugia staħa jgħid kemm qed idaħħal fil-but fil-pożizzjoni li ngħata.

Viżibbilment skomdu, filwaqt li jibqa’ miexi lejn il-karozza, baqa’ qatt ma wieġeb kemm jaqla’ u li għandna nħarsu sew lejn il-kuntratt. Spjegajnilu li diġà għamilna talba għal dan, iżda għadna mingħajr tweġiba.

L-eks Kap tal-Komunikazzjoni ta’ Muscat ipprova jaħrab billi jindika li t-talba tagħna ma saritx skont il-Liġi tal-Libertà tal-Informazzjoni. Iżda anke hawn, Kurt Farrugia ried iqarraq għax fil-fatt, NET News bagħat din it-talba wkoll.

(Ara l-emails hawn taħt …)
Fl-ewwel email, mibgħuta t-Tnejn filgħodu, tlabna kopja tal-kuntratt ta’ Kurt Farrugia. Aktar tard it-Tnejn, tlabna wkoll kopja tal-kuntratti li kienu ffirmaw żewġ predeċessuri ta’ Farrugia, iżda anke din baqgħet mhux imwieġba.

Għaldaqstant, it-Tlieta filgħodu, irrepetejna t-talbiet ta’ lejliet, din id-darba skont il-Liġi tal-Libertà tal-Informazzjoni. Iżda mit-talba tagħna għaddew aktar minn jumejn, u minkejja li qal li dawn jingħataw “mill-ewwel”, magħna ma jidhirx li hu l-każ.

Kurt Farrugia hu l-persuna li, fl-Oppożizzjoni, kien il-Kap tal-Komunikazzjoni ta’ Muscat bħala Mexxej tal-Partit Laburista, u għalhekk, kien fl-istess grupp ta’ persuni li kkordinaw il-kampanja tal-Partit Laburista biex jgħajjar lill-Gvern Nazzjonalista b’żieda fil-paga tal-membri tal-Kabinett.

Dakinhar, il-Partit Laburista kien jgħid li l-membri tal-Kabinett Nazzjonalista kienu ħadu €500 fil-ġimgħa. Iżda issa, Kurt Farrugia ħassu skomdu jikkummenta dwar il-kważi €500 li hu se jkun qed jieħu kuljum.

Tista’ ssegwi l-intervista kollha ma’ Kurt Farrugia fil-filmat ta’ hawn fuq.