Edukazzjoni Lokali

Nuqqas ta’ pjanar fl-edukazzjoni

L-Edukazzjoni hija waħda mill-iktar investimenti importanti li jista’ jagħmel pajjiż, investiment f’uliedna, investiment fina nfusna… l-uniku riżorsa naturali li għandu dan il-pajjiż. Iżda għall-Gvern ta’ Joseph Muscat jidher li dan is-settur mhux importanti.

Saħaq dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli, waqt li kien qed jiġi intervistat minn Reno Bugeja fil-programm Dissett.

Clyde Puli semma’ l-problemi li qed jaffaċċja pajjiżna f’dan is-settur, minħabba nuqqas ta’ ippjanar serju min-naħa tal-Gvern…. fosthom in-nuqqas ta’ għalliema u l-wedgħa li ma twettqitx ta’ skola ġdida kull sena.

Clyde Puli semma l-problema li għandna f’pajjiżna fir-rigward tal-ammont ta’ studenti li jitilqu mill-iskola kmieni…. fejn fl-Ewropa għandna fost l-ogħla rata ta’ early school leavers.

Huwa saħaq illi jidher ċar li hemm nuqqasijiet kbar fil-qasam tal-edukazzjoni, fejn hemm nuqqas ta’ governanza tajba f’dan il-qasam. Filfatt, anke f’affarijiet bażiċi bħalma huma dawk relatati ma tiswijiet…. il-Gvern mgħandu l-ebda pjan.

Fuq il-proposta tal-Gvern li l-iskola tkun obbligatorja sal-età ta’ 18-il sena, Clyde Puli qal li l-Gvern qabad u fajjar din il-proposta mingħajr ebda ħsieb fuq il-konsegwenzi.

Fl-istess programm il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ammetta li hemm uħud minn dawk li qed jaħdmu fiċ-child care centres li mhumiex imħarrġa biżżejjed ma’ tfal ta’ eta daqstant tenera. Dan filwaqt li fi kliemu stess, Bartolo ammetta li f’Malta hawn problema kbira ta’ nuqqas ta’ għalliema.

Fil-bidu tas-sena skolastika li bdiet xahar ilu, rajna nuqqas kbira ta’ għalliema f’diversi suġġetti b’detriment għall-edukazzjoni ta’ uliedna… problema li għadha tippersisti sal-lum.