Il-logħba bejn Kirkop United u Santa Venera Lightnings, li llejla ntlagħbet fis-Centenary Stadium, setgħet intemmet fi traġedja li kieku mhux għall-intervent f’waqt ta’ membru tal-istaff paramediku tal-MFA.
Dan hekk kif Yau-Mun Law, li jilgħab għal Santa Venera, sofra attakk tal-qalb, bil-logħba tiġi sospiża u dawk preżenti, fi stat evidenti ta’ xokk, jiġru biex jagħtuh l-ewwel għajnuna.
Ħajjet Law kienet salvata mill-intervent immedjat tal-istaff mediku preżenti, li għamlu s-CPR fuq il-vittma, li fortunatament ftit wara reġa’ beda jieħu n-nifs.
Madankollu plejer preżenti lmentaw li, bħalma jiġri f’logħob minn diviżjonijiet inferjuri, fil-post ma kienx hemm ambulanza u li din damet madwar nofs siegħa biex waslet mill-Isptar Mater Dei.
Law se jkun qed jinżamm rieqed għall-24 siegħa li ġejjin fejn il-magni jkunu qed jagħtu n-nifs biex jiżguraw livelli ottimali ta’ ossiġnu. Huwa mgeżwer fi bħal bubble wrap biex iżomm it-temperatura tiegħu ‘l isfel sabiex ikollu l-aħjar fluss u ffokat fil-moħħ.
Id-dettalji tal-kundizzjoni tiegħu jkunu iktar dettaljati wara dawn l-ewwel 24 siegħa.
Fuq Facebook, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, Solidarjetà Soċjali, Pensjonijiet u Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf, Claudio Grech fakkar kif il-Liġi tas-Samaritan it-Tajjeb baqgħet fuq l-ixkaffa għaliex il-Gvern baqa’ jkaxkar saqajh.
//= $special ?>