Il-poplu fir-Renju Unit qiegħed iħejji għal kampanja elettorali intensiva li bdiet fil-jum proprju meta l-pajjiż suppost li ħareġ mill-Unjoni Ewropea skont id-deadline stabbilit.
Dan waqt li l-Kap Laburista fl-Oppożizzjoni, Jerremy Corbyn, wiegħed biex ‘iżarma sistema manipulata li qed titmexxa mill-biljunarji u persuni li qegħdin jevitaw it-taxxa’.
Wara li ma rnexxilux jikkonkludi Brexit fil-31 ta’ Ottubru, il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, sejjaħ l-elezzjoni għat-12 ta’ Diċembru bil-għan li jwarrab ‘il-paraliżi politika’ li żammet lir-Renju Unit milli jħalli l-UE fid-data stabbilita.
L-istħarriġ ta’ opinjoni qegħdin jindikaw lil Boris Johnson bħala l-favorit assolut li jirbaħ l-elezzjoni tax-xahar id-dieħel. Dan meta l-Partit Konservattiv fil-Gvern hu indikat b’vantaġġ ta’ bejn 15 u 17-il punt perċentwali, skont l-IpsosMORI u l-YouGov.
Madankollu, ħadd ma jeskludi li l-issue ta’ Brexit – li tant ħolqot diżgwid fi ħdan il-partiti tradizzjonali u s-sostenituri tagħhom – kapaċi, ‘il quddiem, taqleb ta’ taħt fuq l-aktar kalkuli konvenzjonali dwar il-vot tat-12 ta’ Diċembru.
Filwaqt li l-Partit Laburista qed iwiegħed tieni referendum dwar Brexit, din se tkun elezzjoni bejn żewġ politiċi – Johnson u Corbyn – b’viżjonijiet ferm differenti minn ta’ xulxin dwar it-triq li jrid jaqbad r-Renju Unit, li hu l-ħames l-akbar ekonomija tad-dinja.
Fl-ewwel diskors tiegħu tal-kampanja, Jeremy Corbyn qal, f’Londra, li din l-elezzjoni tipprovdi opportunità ‘ta’ darba f’kull ġenerazzjoni’ biex jitwarrab ‘elit korrott li qiegħed jiggwadanja mill-isfruttar tal-ħaddiem u l-gideb lill-pubbliku’.
Filwaqt li saħaq li ‘Gvern immexxi minnu għandu jġib il-bidla għall-aħjar għall-ħafna mhux il-ftit’, Corbyn semma b’isimhom numru ta’ biljunarji prominenti bħala ‘ir-rappreżentanti tas-sistema manipulata fir-Renju Unit’. Hu, imbagħad, ippropona n-nazzjonalizzazzjoni tas-servizzi tal-ferrovija, l-ilma u l-posta u biex ikunu ntaxxati aktar il-bankiera li biddlu Londra fil-kapitali finanzjarja ewlenija fuq livell internazzjonali.
Din, intant, se tkun l-ewwel elezzjoni ġenerali li ssir f’Diċembru fir-Renju Unit mill-1923 – bil-kwistjoni ta’ Brexit tħalli numru kbir ta’ votanti ‘imxebbgħin’, ‘frustrati’ jew mimlijin bl-entużjażmu. Hu minnu wkoll li ħafna Britanniċi li kienu sostenituri tal-partiti ewlenin, illum, tilfu l-fiduċja fihom proprju minħabba Brexit.
Skont l-IpsosMORI, il-Konservattivi ta’ Johnson għandhom jiksbu 41 fil-mija tal-vot, bil-Laburisti 24 fil-mija. Intant, talanqas terz tal-elettorat hu indikat bħala indeċiż u r-riżultat finali tal-elezzjoni kapaċi jiddependi ‘fuq liema naħa se jmur dan is-segment tal-poplu’.
Il-Partit Liberali Demokratiku jrid jattira lill-votanti li ma jridux li Brexit iseħħ waqt li l-Partit tal-Brexit qed jitlob il-vot lis-sostenituri tad-‘divorzju’ bejn ir-Renju Unit u l-UE.
Sadanittant, l-osservaturi qegħdin ifakkru li ż-żewġ referendums storiċi – għall-indipendenza tal-Iskozja, fl-2014 u dwar Brexit, fl-2016 – flimkien mal-elezzjonijiet nazzjonali tal-2015 u l-2017 ( ilkoll fuq perjodu ta’ ħames snin) kienu provdew riżultati mhumiex mistennija li fetħu beraħ għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi politika.
//= $special ?>