Lokali

RITRATTI: L-APAN tiltaqa’ ma’ Mons. Dun Ġwann Azzopardi

L-APAN illum kompliet is-sensiela li jkollha ta’ kull xahar “Inlaqqgħukom Ma’…” fid-Dar Ċentrali tal-PN.

Il-personalità li kien mistieden għas-sezzjoni tal-lum kien il-Monsinjur Dun Ġwann Azzopardi kuratur tal-Mużew tal-Katidral tal-Imdina, tal-Arkivji kif ukoll kuratur tal-Mużew Wignacourt fir-Rabat.

F’intervista li kellu ma’ Nazju Abela, il-Viċi President tal-APAN, Dun Ġwann irrakkonta l-ħajja mimlija attività, mit-tfulija tiegħu fir-Rabat, is-snin jaqdi d-dmirijiet tiegħu pastorali fil-Parroċċa ta’ San Pawl tar-Rabat u t-tgħallim li wettaq fis-Seminarju sakemm Mons. Edward Coleiro sejjaħlu biex jibda jieħu ħsieb il-Mużew il-ġdid tal-Katdiral li kien għadu kemm ġie ffurmat.

Mons. Dun Ġwann spjega kif dan il-Mużew kiber matul is-snin bid-diversi donazzjonijiet sbieħ ta’ pittura, rikkezzi, muniti antiki ħafna sa minn żmien qabel ir-Rumnani, is-swali ddedikati lill-Poeta Nazzjonali Dun Karm, dik ta’ Albrecht Duhrer u oġġetti oħra li bil-ħeġġa u l-inizjattivi tiegħu komplew ikabbru lill-Mużew. Aktar tard huwa wkoll ħaseb biex jiftaħ Mużew ieħor fir-Rabat dak li jissejjaħ ‘il-Wignacourt’ li għandu x’jaqsam mal-Grotta ta’ San Pawl.

Għalaq l-attività Alex Perici Calascione, il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li fakkar li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu għal qalbu u ppromwova l-kultura millenarja u faħħar il-kontribut enormi li Mons. Dun Ġwann Azzopardi ta lil dan il-pajjiż.