Lokali

Tibda’ t-tieni fażi tar-riforma tal-Partit Nazzjonalista

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista llejla ddeċieda li jniedi l-proċess għat-tibdil meħtieġ fl-Istatut tiegħu bl-iskop li jiġġedded u jissaħħaħ il-Partit Nazzjonalista. Din mistennija tkun it-tieni fażi tar-riforma li beda l-partit f’Lulju li għadda. Il-Kumitat Eżekuttiv iddeċieda li f’Diċembru li ġej jibda jikkunsidra t-tibdil propost. Hekk kif jiġu approvati l-emendi għall-Istatut jgħaddi għat-tiġdid tal-Kumitati, tal-organi u tal-karigi tal-uffiċjali.

Għaldaqstant, fuq mozzjoni tal-Kap tal-Partit Adrian Delia, sekondata minn Clyde Puli s-Segretarju Ġenerali, l-Kumitat Eżekuttiv iddeċieda unanimament li jestendi l-mandat tal-uffiċċjali attwali tal-Partit, tal-Kumitati u tal-fergħat sa mhux aktar mill-31 ta’ Marzu 2020. 

Il-Kap tal-Partit Adrian Delia spjega li din il-miżura hija meħtieġa biex it-tiġdid tal-Kumitati, tal-organi u tal-karigi tal-uffiċjali tal-Partit iseħħ skont ir-regoli l-ġodda. Huwa qal li jinsab sodisfatt ħafna bl-interess ġenerali li qed iqanqal il-proċess ta’ riforma fil-partit. Huwa faħħar l-impenn li qed juru l-kumitati u dawk kollha nvoluti bis-sehem attiv u kostruttiv li qed jagħtu f’dan il-proċess. Huwa qal li jinsab persważ li din ir-riforma se tkun fuq kollox tal-akbar servizz għall-poplu Malti u Għawdxi. Dr Delia faħħar is-sehem kbir li qed ikollu l-Grupp Parlamentari matul dawn l-aħħar ġimgħat biex l-Oppożizzjoni qed tkun waħda propożittiva.

Is-Segretarju Generali Clyde Puli qal li jinsab ottimist li r-riforma se tagħti l-frott mixtieq għaliex l-interess mill-membri kien wieħed kbir. Clyde Puli ħeġġeġ lill-membri kollha tal-Partit Nazzjonalista sabiex fil-ġimgħat li ġejjin, kulħadd jerġa’ jingħaqad fi djalogu li se jsir f’kull livell. Dan bl-iskop li t-tiġdid u r-riorganizzazzjoni tal-partit ikunu jistgħu tassew iwasslu għal rifondazzjoni u qawmien mill-ġdid tal-Partit Nazzjonlista bħala alternattiva soda u kredibbli għal pajjiżna.

Fil-bidu tal-laqgħa tal-Eżekuttiv, Dr Louis Galea kien mistieden jaġġorna l-Kumitat Eżekuttiv dwar il-ħidma li twettqet s’issa u l-pass li jmiss fil-proċess ta’ riforma u tiġdid. Huwa qal li fil-ġimgħat li għaddew kellu għexieren ta’ laqgħat mal-Membri Parlamentari, mal-Kumitati u mal-Fergħat tal-partit. Huwa fisser li l-Kumitati kellhom sal-15 ta’ Ottubru biex jirrispondu għal kwestjonarju u jibgħatulu rapport bil-proposti tagħhom.

Issa, Louis Galea jrid jeżamina r-rapporti kollha kif ukoll mijiet ta’ ittri u memoranda li rċieva mingħand numru kbir ta’ ċittadini. Dawn iċ-ċittadini jinkludu persuni li mhumiex affiljati mal-partit u oħrajn b’ideat differenti imma li jemmnu li l-pajjiż għandu bżonn forza politika b’saħħitha li tikseb l-fiduċja tal-poplu bħala forza alternattiva għall-Gvern tal-ġurnata. Huwa rringrazzja lill-Kap tal-Partit, lis-Segretarju Ġenerali u ‘l-uffiċċjali kollha tal-appoġġ sħiħ li qed jagħtuh f’din il-ħidma. Huwa rringrazzja wkoll lill-membri tal-Kumitati u tal-fergħat għall-għajnuna u l-kontribut li qed jagħtu f’dan il-proċess.

Fil-bidu tal-laqgħa, l-Kumitat Eżekuttiv waqaf għal mumenti ta’ silenzju biex issellem u jirringrazzja lil Charles Zammit Moore, li għadda l-ħajja ta’ dejjem, għax-xogħol tiegħu fil-qasam tal-marketing u reklamar mal-Partit Nazzjonalista. Zammit Moore kien attivist u membru mill-akbar ħabrieki u kreattiv li qatt kellu l-PN.