Minkejja t-tbatija, qatt ma tilef it-tbissima jew il-fidi. Għax quddiem kultura ta’ egoiżmu, baqa’ sal-aħħar ta’ ħajtu fuq din l-art iqassam imħabbtu u r-riżorsi ma’ ta’ madwaru.
Kliem Dun David Torpiano fiċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajjet Charles Zammit Moore, eks kollega, iżda fuq kollox ħabib ta’ ħafna li jiftakruh fil-bini tad-Dar Ċentrali. Hu ngħata l-Aħħar Tislima fil-Knisja Arċipretali tal-Furjana, iddedikata lil San Publju.
Post għal qalb ħafna Charles, li bħala iben din il-lokalità, dejjem għen lil dan il-Maqdes mill-aħjar li seta’. Bħalma għen ukoll lill-għaqdiet Furjaniżi kollha, b’konferma ta’ dan tkun l-attendenza sabiħa u bi Knisja mballata bin-nies.
Dun David qal li, bit-tbissima ħelwa u ġentili, hu għex dejjem il-ħajja ggwidat mis-sinjal tal-Fidi. Meta waslet l-aħbar li Charles ħalla din id-dinja, fost il-Furjaniżi dewa messaġġ wieħed: tlifna ġentlom. Għax hu dejjem kien perseveranti, kemm f’xogħolu kif ukoll fil-ħidma volontarja tiegħu fil-Furjana.
Iċ-Ċelebrant kompla li anke fl-aħħar żminijiet – u fost l-isfidi f’saħħtu – Charles dejjem xtaq jagħmel aktar. Qal li l-lokalitajiet għandhom bżonn aktar nies bħalu.
Bħal Charles, għandna dejjem inżommu ruħna ppreparati għal meta jsejħilna l-Mulej. U minkejja d-dmugħ ma’ wiċċ dawk qrib tiegħu, dispjaċuti bit-telfa ta’ Charles, għandna nikkonslaw li hu qed igawdi l-Premju tal-Eternità.
Preżenti għall-Aħħar Tislima lil Charles Zammit Moore kien hemm fost l-oħrajn il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament David Agius u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Clyde Puli.
Charles Zammit Moore għadda għall-Ħajja ta’ Dejjem it-Tlieta, fl-età ta’ 69 sena. Ħadem fl-Istamperija mill-1970, fosthom għal snin twal bħala Kap tad-Dipartiment tas-Sales.
Bħall-kollegi tiegħu f’dak iż-żmien, hu għadda miż-żminijiet politiċi diffiċli tas-snin 80, fosthom l-attakki fiżiċi u psikoloġiċi fuq id-Dar Ċentrali u l-impjegati tal-Partit Nazzjonalista.
Charles ħalla warajh lil martu Alida, uliedu Charlene u Alison u ż-żwieġ tagħhom, in-neputija Christine, ommu Doris, ħutu u ħut il-mara, flimkien mal-qraba u familjari tagħhom.
![](https://cdn.netnews.com.mt/wp-content/uploads/2019/10/31180127/Funeral-Charles-Zammit-Moore-2-311019-1024x576.jpg)