Internazzjonali

‘Probabbiltà ta’ attakk’ mill-ISIS biex jivvendikaw lil Baghdadi

Il-Pentagon ta’ Washington (fl-Istati Uniti) qed iwissi li l-grupp tal-militanti, ISIS, kapaċi jipprova jwettaq ‘attakk ta’ ritaljazzjoni’ wara l-qtil, jiem ilu, tal-kap terrorista Abu Bakr al-Baghdadi li spiċċa jtajjar lilu nnifsu (flimkien ma’ żewġt itfal) fil-kumpless tiegħu fis-Sirja.

Il-Ġeneral Kenneth McKenzie, il-kmandant tal-U.S. Central Command li jmexxi lill-qawwiet Amerikani fil-Lvant Nofsani, ħareġ b’din it-twissija u għamilha ċara li ‘in-nies tiegħu huma lesti u preparati għal azzjoni mit-terroristi’.

McKenzie issuġġerixxa li l-militar tal-Istati Uniti, waqt ir-rejd fuq Baghdadi, rnexxielu jikseb ammont sinifikanti ta’ informazzjoni sigrieta dwar l-attivitajiet tal-ISIS. Il-qawwiet Amerikani elevaw ‘id-dokumentazzjoni u l-elettronika li setgħu jsibu’ u li McKenzie fissirhom bħala ‘sostanzjali’.

Intant, l-Amerikani qed jinsistu li l-offensiva tax-xahar li għadda mill-qawwiet Torok fis-Sirja u l-irtirar tal-militar Amerikan mill-fruntiera ma kenux il-fattur ewlieni li seta’ xpruna r-rejd fuq il-Kap terrorista. Fil-fatt, il-Ġeneral McKenzie spjega li r-rejd fuq al-Baghdadi seħħ ‘għaliex kien iż-żmien opportun’ skont l-informazzjoni f’idejn l-Amerikani u numru ta’ fatturi favorevoli biex l-azzjoni tirnexxi.

Il-Pentagon, fl-istess ħin, ħareġ l-ewwel videos tar-rejd li wettqu l-qawwiet speċjali Amerikani fejn huma jidhru qed javviċinaw il-kumpless ta’ Baghdadi, waqt li l-ajruplani tal-Istati Uniti qegħdin jisparaw fuq il-militanti fiz-zona.

Filmat partikulari juri d-dħaħen kbar telgħin mill-kumpless wara li dan spiċċa suġġett għal bumbardament bla heda. Intant, McKenzie spjega li kien hemm pjan speċifiku biex jinqered dan il-kumpless, ‘bil-għan li ma jservix bħala speċi ta’ santwarju għas-segwaċi ta’ Baghdadi’.