Sport Ieħor

Ashleigh Barty tgħaddi għas-semifinali

In-numru wieħed fir-rankings dinjija Ashleigh Barty għaddiet għas-semifinali fid-debutt tagħha f’din il-kompetizzjoni li fiha tiġbor l-aqwa tmien tennisti ta’ matul is-sena.
Ilbieraħ Barty għelbet lil Petra Kvitova 6-4, 6-2, biex temmet l-impenji tagħha fil-grupp b’żewġ rebħiet u telfa. Barty hi l-ewwel Awstraljana li spiċċat is-sena fl-ewwel post tar-rankings dinjija. Hi rebħet l-ewwel titlu Grand Slam f’Ġunju li għadda meta rebħet l-Open ta’ Franza u wara telgħet u baqgħet iżżom l-ewwel post fir-rankings.
Mill-grupp ta’ Barty għaddiet ukoll Belinda Bencic li għelbet lil Kiki Bertens 7-5, 1-0, b’din ta’ l-aħħar tirtira minħabba problemi fiżiċi. Bencic bħal Barty qed tagħmel id-debutt tagħha f’dawn il-WTA Finals.
Intant ilbieraħ irtirat mit-turnament it-tennista Bianca Andreescu li għandha problemi fl-irkoppa xellugija. Mit-testijiet li sarula hi kienet ordnata biex tistrieħ u għalhekk ma kelliex triq oħra għajr li tirtira mill-kompetizzjoni.
Postha se jittieħed minn Sofia Kenin għall-aħħar logħba li kienet se tilgħab Andreescu kontra Svitolina. Kenin kellha somma ta’ 125 elf dollaru garantiti talli kienet miżmuma bħala riserva, iżda issa talli se tkun impenjata se tieħu 40 elf dollaru ieħor ma’ dik is-somma, u jekk tirnexxielha tegħleb lil Svitolina tieħu wkoll is-somma ta’ 300 elf dollaru.
Kieku Kenin ma ħaditx sehem, kienet se tkun l-ewwel darba fl-istorja ta’ dan it-turnament li ilu jsir 49 sena, li ma jkunx hemm tennista Amerikana la fis-singles u lanqas fid-doubles f’dan it-turnament.