Futbol

Carlo Ancelotti sospiż logħba

Il-kowċ ta’ Napoli Carlo Ancelotti kien sospiż logħba mill-kummissrju tad-dixxiplina Taljan wara li hu kien tkeċċa fil-logħba kontra Atalanta, logħba li ntemmet 2-2. Ancelotti tkeċċa wara li hu u l-kumplament tat-tim ipprostaw mar-referee meta ma ngħatawx penalty.
Il-kummissarju tad-dixxiplina sab lil Ancelotti ħati li daħal fil-grawnd waqt dawn il-protesti. Anki t-tim manager ta’ Napoli Giovanni Paolo De Matteis kien sospiż minħabba l-istess raġunijiet.
Napoli kienu wkoll immultati tlett elef ewro wara li partitarji tagħhom tefgħu fliexken tal-plastic fil-grawnd.
Anki l-klabb ta’ Inter kien immultat ħamest elef ewro wara li partitarji ta’ Inter offendew plejer ta’ Brescia li ma ssemmiex fis-sentenza iżda li l-mezzi tal-midja fl-Italja qed jgħidu li hu l-eks plejer tal-istess Inter Mario Balotelli, li matul il-logħba kien il-mira ta’ tgħajjir minn naħa tal-partitarji ta’ Inter.
Fost plejers li kienu sospiżi kien hemm il-goalkeeper ta’ Genoa Federico Marchetti li weħel żewġ logħbiet wara l-protesti qawwija fil-konfront tar-referee wara li Juventus ingħataw penalty fil-95 minuta.
Id-difensur ta’ Torino Nicolas Nkoulou u l-midfielder ta’ Juventus Adrien Rabiot weħlu logħba kull wieħed.