Lokali

Iċċelebrata b’suċċess edizzjoni oħra ta’ Halloween uniku fin-Nadur

Il-Halloween f’pajjiżna hu festa jew ċelebrazzjoni, li m’għandhiex xi tradizzjoni qawwija bħal ngħidu aħna l-Karnival.

F’dawn l-aħħar għaxar snin kien in-Nadur li bħala l-pijunier beda jorganizza l-Halloween f’pajjiżna biex illum nistgħu ngħidu li sar avveniment popolari ta’ kull sena.

Bħal ħafna affarijiet oħra, kienu diversi l-bliet u l-irħula li wara n-Nadur bdew huma wkoll jiċċelebraw il-Halloween, iżda jibqa’ fatt li l-mod kif jiġi ċċelebrat fin-Nadur uwa l-ikbar u l-iktar uniku.

Din l-attività tant kibret li ħafna nies minn madwar Għawdex kollu jżuru lin-Nadur fil-jum tal-Halloween. Waqt li r-raħal jilbes libsa ftit jew wisq makabra permezz tat-tiżjin ta’ djar u toroq, din is-sena n-Nadur rebaħ il-Malta Record tal-iktar dar imżejna għal Halloween.

Quddiem dan kollu, il-Kunsill Lokali, mhux biss kien il-moħħ wara l-idea ta’ din l-attività kull sena, talli llum sar jorganizzaha u fiha joħloq bosta attivitajiet għat-tfal li jikkonsistu f’logħob, crafts, saħħara tqassam il-ħelu, kompetizzjoni tal-ikbar qargħa mżejna u l-famuża trick or treat fejn it-tfal jiddevertu b’xi kostum u l-kbar jiggustawhom billi joffrulhom kwantità kbira ta’ ħelu li jkunu ħasbu għalih minn qabel.

Din is-sena l-attività tal-Halloween salet bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex u fiha inkludejna saħansitra żfin għat-tfal u spettaklu tan-nar.

Bħal kull ħaġa oħra, jibqa’ diskutibbli jekk din l-attività tġgħġbokx jew le. Li hu żgur imma hu li mijiet ta’ familji imlew it-toroq u l-pjazza ewlenija tan-Nadur f’ambjent kuntrastanti bejn il-makabru u d-divertiment fuq livell ta’ tfal jieħdu gost. Dan is-suċċess jawgura tajjew għas-snin li ġejjin biex din l-attività waqt li tkompli tirfina, tibqa’ fuq livell ta’ tfal u ta’ familja.