Lokali

Il-prekarjat ikompli bil-barka tal-Gvern – SĦPN

Għaddew seba’ snin minn meta dan il-Gvern kien tela’ bl-għajta li se jeqred il-prekarjat. Anzi, din kienet waħda mill-battalji li għamel sabiex jirbaħ l-elezzjoni tal-2013. Iżda llum qed naraw biċ-ċar li dan kien kollu duħħan. Għax meta wasal iż-żmien sabiex iwettaq dak li ppriedka, il-Gvern mhux talli m’għamel xejn, iżda qed ibierek dak li qed iseħħ f’dan ir-rigward.

Hekk tgħid stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista. L-istqarrija tgħid li hekk qed jiġri lill-ħaddiema ta’ Steward Healthcare li l-kumpannija li qed iddaħħal miljuni kbar fis-sena minn fuq dahar il-poplu Malti għaliex bil-barka tal-Gvern dawn ħadu f’idejhom tlett sptarijiet.

Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista tisfida lill-Gvern sabiex minnufih mill-paroli u d-duħħan jgħaddi għall-fatti u l-ħaddiema ta’ Steward Healthcare, li qed jagħmlu l-istess xogħol ta’ ħaddiema oħra tal-Gvern fl-istess sptarijiet ikollhom l-istess pagi u kundizzjonijiet.

L-istqarrija tissokta tgħid li l-Gvern għadu kif għamel l-eżerċizzju tal-Budget għal 2020 li iżda naqas milli jsemmi azzjonijiet konkreti sabiex jeradika dan il-prekarjat li hu approvat minnu stesss. SĦPN tappoġġja bis-sħiħ lill-UĦM voice of the workers sabiex tieħu l-azzjonijiet meħtieġa ħalli dawn il-ħaddiema ikollhom l-istess ħlas u kundizzjonijiet tal-ħaddiema l-oħra fl-istess livell tagħhom fl-istess sptarijiet.

Filwaqt li l-Gvern qed ikompli jagħti miljuni kbar fis-sena lill-Steward Healthcare sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu l-profitti tagħhom minn fuq is-sistema tas-saħħa li għaliha jħallas il-poplu Malti, l-istess Gvern suppost Laburista nesa’ lill-ħaddiema fil-prekarjat, basta s-sidien jimpalaw il-miljuni.

F’dan kollu naraw li l-PN huwa fuq quddiem kemm biex il-poplu Malti jieħu lura l-sptarijiet tiegħu, kif ukoll sabiex flimkien mal-imsieħba soċjali, li llum jidher li ntesew minn dan il-Gvern, isib soluzzjoni għall-ħaddiema li qed ibatu l-inġustizzji.

L-istqarrija ttemm tgħid li dan kien proġett ieħor ta’ dan il-Gvern li kien maħsub biex ifalli sa mit-twelid tiegħu. Proġett fallut li qed jiswa lill-poplu Malti mijiet ta’ miljuni u qed jikkawża inġustizzji mal-ħaddiema involuti.