Lokali Qorti

Il-Qorti tiddeċiedi kontra l-Partit Laburista fuq kirja tal-każin ta’ Ħal Qormi

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Robert Mangion f’deċiżjoni li tagħat neħħiet il-protezzjoni legali tal-Partit Laburista fuq kirja tal-każin tiegħu f’Ħal Qormi. Il-Qorti ordnat ukoll lill-Gvern Malti jħallas €30,000 f’danni lis-sidien tal-proprjetà.

Is-sidien tal-proprjetà kienu fetħu każ fil-Qorti għaliex ma setgħux jżidu l-kera annwali ta’ €197 jew inkella jkeċċu l-inkwilini mill-proprjetà. Il-familja qalet kif il-każin kien ġie mikri lill-PL fl-1951 għal Lm 65 fis-sena u mbagħad żdiedet għal Lm 85 fl-2002.

L-applikanti li fetħu l-kawża kontra l-Partit Laburista u l-Avukat Ġenerali kienu Clothilde Borg, Carmen Mizzi, Joseph Mizzi, Salvinu Mizzi, Vincent Mizzi, Isabelle Mercieca, Cecilia Dalli and Felicita Micallef fejn qalu li kien qed jiġi mittiefes id-dritt tagħhom għat-tgawdija tal-propjetà.

Il-familja, li tirrappreża anqas minn terz tas-sidiet tal-propjetà nkwistjoni, kienu oriġinarjament krew il-post lill-Partit Laburista 68 sena ilu u kienu biss żiedu din il-kera 19-il sena ilu wara l-mewt ta’ ommhom.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li wieħed mill-fatturi li kkunsidrat fl-għotja tad-danni kien in-nuqqas tal-istat sabiex jintervjeni b’mod leġiżlattiv f’kwistjonijiet simili.

Il-Qorti tat lill-familja €5,000 f’danni morali u €25,000 f’danni finanzjarji. Madanakollu, il-Qorti ma ordnatx it-tneħħija tal-inkwilini, iżda minflok iddeċidiet li l-kera ma kinitx iktar tgawdi minn protezzjoni legali.

L-avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Eve Borg Costanzi dehru għas-sidien, waqt li l-avukati Robert Abela, Ian Borg, Abigail Caruana u Jacqueline Grech irrappreżentaw lill-Partit Laburista.