Il-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet Umani, Dunja Mijatovic, qalet li eluf ta’ nies qegħdin jgħixu ‘fl-agħar kundizzjonijiet’ ġo kampijiet tar-refuġjati fuq żewġ gżejjer Griegi. Is-sitwazzjoni tal-immigranti qed tqanqal tħassib kbir, fost kummenti li dawn l-immigranti jinsabu ‘f’xifer ta’ katastrofi’.
Dunja Mijatovic tkellmet dwar ‘sitwazzjoni li tidher qrib li tisplodi’ fuq il-gżejjer ta’ Lesbos u Samos, fir-reġjun tal-Eġew. Dawn il-gżejjer qed jakkommodaw mas-36,000 immigrant li qegħdin ifittxu l-kenn politiku. Intant, il-Parlament Grieg, sigħat wara, għadda abbozz (tal-fast tracking) biex iħaffef id-deportazzjonijiet.
Il-Prim Ministru tal-Greċja, Kyriakos Mitsotakis, tenna li r-refuġjati fl-artijiet tiegħu se jkunu protetti ‘iżda l-bibien ta’ pajjiżu mhumiex se jinfetħu għal kulħadd’.
Sadanittant, numru ta’ gruppi umanitarji, fosthom l-aġenzija tar-refuġjati UNHCR ( tan-Nazzjonijiet Uniti) wissew li l-liġi li se tagħti spinta lid-deportazzjonijiet mill-Greċja kapaċi tillimita l-protezzjoni għall-persuni fi ħtieġa ta’ kenn politiku.
Madankollu, Mitsotakis insista li dan il-pass għandu jwaqqaf lill-immigranti li mhumiex intitolati għall-kenn politiku waqt li insista mal-Parlament Grieg li ‘iż-żejjed hu kollu żejjed’.
//= $special ?>