Liġi ġdida li qed tintroduċi l-kontrolli ġodda fuq l-Internet daħlet fis-seħħ f’dan il-pajjiż, fost l-inkwiet li l-liġi tista’ tintuża mill-Gvern biex jagħlaq ħalq il-kritiċi.
Il-liġi għall-‘internet sovran’, fit-teorija, għandha tippermetti l-poteri wiesgħa lill-uffiċjali biex jirrestrinġu l-materjal fuq il-web tar-Russja. Il-kelliema għall-Kremlin ta’ Moska qalu li din il-liġi għandha ttejjeb is-sigurtà fil-qasam ċibernetiku u li ‘l-abbonaturi tal-Internet mhumiex se jindunaw bil-bidla’.
Madankollu, il-kritiċi jinkwetawli l-Kremlin kapaċi joħloq firewall għall-Internet li hu simili għal taċ-Ċina. Dan il-firewall jinvolvi sistema tas-sigurtà għan-network li tikkontrolla t-traffiku tal-informazzjoni skont ir-regoli predeterminati.
Intant, l-esperti qalu li mhux ċar kif jistgħu jintużaw il-poteri tal-liġi kontroversjali inkella kemm il-poteri jistgħu jkunu implimentati b’mod effettiv,minħabba l-isfidi teknoloġiċi u l-ispejjeż għoljin relatati.
Il-liġi tagħti lill-Kremlin il-possibbiltà li jitfi l-konnessjonijiet mal-worldwide web fi ħdan ir-Russja jew jitfihom kompletament ‘f’każ ta’ emerġenza’. Fl-istess ħin, il-Gvern Russu jrid jiddeċiedi x’tikkostitwixxi theddida, f’dan is-sens, u t-tip ta’ azzjonijiet li jridu jittieħdu.
Fil-fatt, l-aħħar liġi hi l-aħħar f’sensiela ta’ regoli aktar iebsa rigward l-Internet li kienu approvati mit-Tmexxija Russa. Aktar kmieni din is-sena, il-Parlament f’Moska kien għadda żewġ abbozzi li jiddikjaraw ‘id-disrispett tal-awtoritajiet’ bħala illegali — l-istess bħall-firxa ta’ aħbarijiet li l-Gvern jiddeċiedi li huma qarrieqa (fake news).
Is-servizzi sigrieti fl-Istati Uniti qalu li r-Russja kienet użat l-Internet ‘għall-indħil’fl-elezzjoni tal-2016 għall-Presidenza tal-Istati Uniti, b’Moska qed tiċħad kategorikament l-allegazzjoni.
//= $special ?>