Internazzjonali

Is-Sirja: Truppi Torok u Russi f’eżerċizzju ta’ ronda konġunta

Is-suldati tat-Turkija u r-Russja bdew l-ewwel eżerċizzji tar-ronda konġunti fil-grigal tas-Sirja. Dan seħħ bħala parti minn ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi li serva biex ibiegħed il-milizji tal-Kurdi mit-territorju Sirjan qrib il-fruntiera tat-Turkija.

It-Turkija u r-ribelli Sirjani alleati, fid-9 ta’ Ottubru, kienu bdew offensiva kontra l-milizji Kurdi tal-YPG fis-Sirja fejn ħatfu kontroll ta’120 kilometru ta’ art tul il-fruntiera.

Intant, it-Turkija u r-Russja, jiem ilu, qablu biex il-milizji Kurdi jieħdu pożizzjoni ġdida li tinsab talanqas 30 kilometru lejn in-nofsinar tal-fruntiera. Dan waqt li r-Russja infurmat lit-Turkija li l-YPG telaq miz-zona fis-Sirja li kien qed jokkupa ftit ilu.

Il-vetturi armati tat-Torok issa qegħdin jivvjaġġaw mill-fruntiera biex jissieħbu mal-militar Russu fl-inħawi. Intant, il-Ministeru tad-Difiża Tork saħaq li ‘it-taqsimiet militari tal-art u mill-ajru ħadu sehem fir-ronda, flimkien mal-pulizija militari Russi, li kienet qed issir fiz-zona tal-belt ta’ Darbasiya, qrib il-fruntiera’. Ir-ronda konġunta kellha tikkonċentra wkoll f’artijiet ‘aktar lejn il-punent’ tas-Sirja.