Minkejja li fl-aħħar jiem Net News irrapporta kif l-immigranti qed jaħarbu bla heda miċ-Ċentru tal-Marsa, l-awtoritajiet mhux biss ma rreaġixxewx iżda lanqas biss ħadu xi tip ta’ miżura biex iwaqqfu dan kollu.
Filfatt l-Erbgħa ġurnalisti tagħna reġgħu esperjenzaw ħarba oħra, ta’ mill-inqas immigranti wieħed li qabeż miċ-ċentru għas-sit abbandunat fejn suppost kellu jinbena l-villaġġ tal-Karnival.
Fid-dlam, bil-mobile f’idejh biex jara fejn qed jimxi, hu deher miexi bil-kalma kollha qalb dan is-sit li kien ġie skavat. Malli wasal qrib id-daħla ta’ dak li kien il-garaxx tal-Gvern, hu ħareġ lejn Triq Troubridge bil-kalma kollha u kompla miexi lejn Triq Aldo Moro biex wettaq b’suċċess il-ħarba tiegħu.
Minkejja dan kollu, u minkejja li dan is-sit avża li dawn il-ħarbiet qed iseħħu kuljum, fl-ebda ħin l-immigrant ma kellu xi tip ta’ problema biex iwettaq il-pjan tiegħu. Ma neskludux lanqas li dan ma kienx l-uniku wieħed li ħarab.
Mill-ġdid, iktar minn 48 siegħa wara din l-aħħar ħarba, l-awtoritajiet baqgħu siekta u ma ħarġu l-ebda stqarrija fejn jinfurmaw lill-pubbliku li kienu ħarbu xi immigranti.
Mhux eskluż lanqas li l-awtoritajiet taċ-ċentru lanqas biss qed jirrealizzaw b’dawn il-ħarbiet, hekk kif dan is-sit innota wkoll immigranti deħlin lura fiċ-ċentru, billi jixxabbtu mal-ġenb tiegħu, li jagħti għal Triq Aldo Moro.
Minkejja li dan iċ-ċentru uffiċjalment hu wieħed miftuħ, fil-verità wħud mill-immigranti li jgħixu fih jinsabu taħt detenzjoni. Dan għaliex ġew trasferiti fih minħabba l-iffullar fiċ-ċentri l-oħra madwar Malta, kawża tal-wasliet bla heda matul is-sajf, li laħħqu l-2,200 immigrant.
B’reazzjoni għall-aħbar ta’ ħarbiet oħra, ippubblikata minn In-Nazzjon nhar it-Tnejn li għadda, kienu biss xi residenti Marsin li tkellmu magħna. Huma staqsew fejn qed imorru dawn l-immigranti u jekk l-awtoritajiet hux iħalluhom jaħarbu apposta “biex jeħilsu minnhom” frott l-iffullar fiċ-ċentri għall-immigranti f’Malta.