Lokali

L-aqwa żmien għal min irid jistupra l-kampanja Maltija – PN

Il-vot skandaluż u oxxen tal-bieraħ tal-Bord ta’ l-Awtorità ta’ l-Ippjanar issiġilla l-legat ta’ Joseph Muscat: manuvri li jeqirdu l-ambjent naturali u li jġib fix-xejn il-liġijiet li suppost iħarsu l-ambjent. Il-bieraħ il-Bord ta’ l-Awtorità ta’ l-Ippjanar ta permess biex kamra mġarrfa  ssir villa, u dan f’żona ta’ high landscape sensitivity u kontra numru ta’ policy requirements. 

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffrimata minn
Jason Azzopardi, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives u Marthese Portelli, Kelliema tal-Oppozizzjoni dwar il-Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà

Filwaqt li l-bieraħ, Marthese Portelli bħala r-rappreżentanta tal-Oppożizzjoni flimkien ma’ minoranza ta’ 3 membri oħra ivvutat kontra l-istupru tal-kampanja naturali fil-Qala, 7 membri tal-Bord magħżula mill-Gvern għażlu li jivvutaw favur il-permess u ħolqu preċedent gravi b’konsegwenzi irreparabbli għall-ambjent mhux biss fil-Qala imma f’pajjiżna. 

Dan il-permess imur kontra r-Rural Policy and Design Guidance 2014 partikolarment punt 6.2A u dan a bażi tal-fatt illi, fost punti oħra, m’hemmx prova konkreta illi din il-kamra ta’ 31sqm kienet dar residenzjali u anke minħabba l-fatt illi l-policy tistipula ukoll illi tali kamra kellha tkun ta’ l-inqas 100sqm sabiex ikun jista’ jinħareġ il-permess. 

Barra minn hekk ġew injorati ukoll kompletament l-oġġezzjonijiet validissimi mressqa mill-ERA u mis-Superintendenza tal-Wirt Kulturali. Il-bieraħ il-PN ħa n-naħa tar-residenti tal-Qala u ta’ min irid iħares l-ambjent f’Malta u Għawdex. 

L-istqarrija ttemm tgħid li l-Gvern għamel bil-kontra. Tassew l-aqwa żmien għal min irid jistupra l-ftit kampanja li baqgħalna.