Iċ-champions lokali tan-nisa Exiles jinsabu għaddejjin bl-impenji tagħhom fil-Euro League tan-nisa. Din hi l-ewwel darba li tim lokali tan-nisa qed jieħu sehem f’din il-kompetizzjoni. Il-klabb Malti kien konxju tal-qawwa tal-avversarji u d-differenza fil-kwalità li teżisti.
Fl-ewwel żewġ logħbiet tagħhom, Exiles tilfu 26-2 kontra Roma, tim li spiċċa t-tieni fil-kampjonat Taljan u rebaħ in-knock-out fl-istaġun li għadda. Fit-tieni logħba, Exiles kienu megħluba 31-3 kontra r-Russi KINEF Kirishi li huma ċ-champions Ewropej. Eline Antonissen skorjat iż-żewġ gowls ta’ Exiles kontra Roma filwaqt li Alyssa Diacono, Rhea Cutajar u Michela Zammit sabu x-xibka kontra r-Russi.
Il-President ta’ Exiles Andrew Paris iddeskriva din l-esperjenza li l-plejers tagħhom qed jirċievu bħala unika. “Nafu li qed nilagħbu fl-aktar kompetizzjoni tal-klabbs ta’ livell għoli fid-dinja. Konna nafu li l-avversarji huma kollha fost l-aqwa timijiet fl-Ewropa. Qed inpoġġu isem Malta u isem Exiles fuq il-mappa tal-waterpolo tan-nisa u ta’ dan aħna kburin.” Paris kompla li fil-logħba kontra ċ-champions Ewropej setgħu biss jitgħallmu u rringrazzja lil SportMalta u l-ASA tas-sapport tagħhom.
L-iskwadra ta’ Exiles hi magħmula minn Abbey Bonello, Maria Gatt, Kaia Agius, Kendra Navarro, Denise Micallef, Martina Darmanin, Alyssa Diacono, Rhea Cutajar, Emily Diacono, Giulia Zammit Lonardelli, Kela Zammit, Eline Antonissen, Stephanie Tanti Desjardins u Maia Bonello. Fost din l-iskwadra hemm il-plejers ta’ San Ġiljan Denise Micallef, Rhea Cutajar u Stephanie Tant Desjardins u l-Olandiża Eline Antonissen li ġew mistiedna biex jingħaqdu mat-tim għal din il-kompetizzjoni.
//= $special ?>