Il-Malta Football Association mistennija tikri żewġ ambulanzi li jkunu f’postijiet strateġiċi biex ikunu preparati fl-eventwalità li jkun hemm inċident. Din l-istess idea kienet ukoll fi ħsieb il-Malta Football Players Assocation li lbieraħ iltaqgħet mal-MFA. Wara l-inċident li seħħ il-Ħamis filgħaxija fil-logħba mit-Tielet Diviżjoni bejn Kirkop United u Santa Venera Lightnings, reġa’ kiber l-argument dwar is-saħħa tal-atleti fl-isport, b’mod partikolari fil-futbol.
Il-plejer ta’ Santa Venera Yau-Mun Law sofra attakk tal-qalb, bil-logħba tiġi sospiża ftit wara. Kien l-intervent mediku tal-paramediku tal-MFA Charlot Lanzon flimkien mal-fotografu Walter Sargent li taw l-ewwel għajnuna filwaqt li ntuża d-defibrilatur li kien hemm fis-Centenary Stadium, investiment li sar mill-MFA. Dan sakemm waslet l-ambulanza li ma kinitx preżenti u damet madwar nofs siegħa sakemm waslet.
F’kuntatt li dan il-ġurnal għamel mas-Segretarju Ġenerali tal-MFPA, Carlo Mamo qal li “ma għandniex ambulanzi biżżejjed biex inkopru l-logħob kollu. Anqas tobba biżżejjed ma hawn, speċjalment li jifhmu fl-isport. Hi problema tal-pajjiż ukoll.” kompla s-Segretarju Ġenerali tal-MFPA.
Hu kompla li bi proġett li kien sar mill-MFA, suppost hemm AED Defibrilator fejn hemm il-logħob kompetittiv u faħħar l-intervent tal-paramediku tal-MFA u l-fotografu li salvaw il-ħajja ta’ persuna. Mill-informazzjoni li għandu Mamo, il-kundizzjoni ta’ Yau-Mun Law mhux se tkun magħrufa qabel l-ewwel 24 siegħa.
Fi stqarrija, Tim Sport Partit Nazzjonalista wera solidarjetà mal-familja ta’ Law. “Filwaqt li ta’ min ifaħħar lil Malta Football Association li għandhom l-apparat mediku possibbli, Tim Sport PN jemmen li dan hu l-mument opportun li niddiskutu kif nistgħu nassiguraw l-aħjar rispons f’inċidenti simili,” kompliet tgħid l-istqarrija. Tim Sport PN faħħar l-interventi tal-paramediku tal-MFA Charlo Lanzon u l-fotografu Walter Sargent tal-interventi tagħhom.
L-Għaqda Ġurnalisti Sports ukoll ħarġet stqarrija biex tirringrazzja lil Sargent li hu membru tagħha. L-Għaqda ħeġġet lill-assoċjazzjoni Maltija tal-futbol biex tassigura li jkun hemm tal-anqas mediku f’kull logħba, kif ukoll qalet li dan l-inċident għandu jservi ta’ messaġġ lejn il-federazzjonijiet sportivi biex jirriflettu x’għandhom jagħmlu jekk ikun hemm inċidenti simili fil-futur.
//= $special ?>