Internazzjonali

Renju Unit: Farage iħeġġeġ biex Boris Johnson jibni alleanza għall-ħruġ mill-UE

Il-Kap tal-Partit ta’ Brexit, Nigel Farage, sejjaħ biex il-Prim Ministru Konservattiv, Boris Johnson, iwarrab għall-ftehim dwar Brexit u jibni ‘alleanza fuq il-bażi ta’ Leave’  bħala konsolidazzjoni ta’ politika għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Għalkemm il-Partit Konservattiv fil-Gvern ċaħad, kemm il-darba, li għandu jidħol f’patt formali mal-Partit ta’ Brexit, Farage, li, illum, nieda l-kampanja elettorali tal-partit tiegħu, qal li ‘l-unika triq ‘il quddiem’ għandha tkun l-avviċinament tal-partiit tiegħu u dak immexxi minn Johnson. Hu wissa lil Johnson li jekk hu jiċħad l-offerta, il-Partit ta’ Brexit għandu jikkuntesta, bil-kandidati tiegħu, ‘fi kwalunkwe kostitwenza fl-Ingilterra, Scotland u Wales’.

Il-partiti politiċi fir-Renju Unit qegħdin jirrankaw il-kampanji rispettivi qabel l-elezzjoni ġenerali li se ssir fit-12 ta’ Diċembru. L-aħħar stħarriġ tal-opinjoni qegħdin jindikaw lill-Konservattivi b’vantaġġ komdu fuq il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni.

Intant, sorsi qrib il-Partit Konservattiv qalu li vot għal Nigel Farage iżid is-sogru li l-Kap Laburista, Jeremy Corbyn, ‘jiggwadanja miċ-ċirkustanzi’ biex isir Prim Ministru ġdid tar-Renju Unit. L-istess sorsi wissew li vot għal Farage ma jikkonkludix il-proċess ta’ Brexit iżda joħloq Parlament staġnat ieħor li ma jwettaqx il-funzjoni tiegħu.

Aktar qabel, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, kien qal li Nigel Farage u Johnson ‘imisshom jingħaqdu bħala forza politika li ħadd ma jkun jista’ iwaqqafha’.

Intant, Farage u l-esponenti ewlenin wara Brexit ikkritikaw lil Boris Johnson minħabba l-estensjoni ta’ tliet xhur għal Brexit li kellu jkun konkluż fl-aħħar ta’Ottubru. Dan fost inkwiet akbar li l-kandidati ta’ Farage kapaċi jaqsmu l-vot favur Brexit filwaqt li jtellfu lit-Tories mill-maġġoranza fl-elezzjoni ġenerali ta’ dan ix-xahar.

Il-korrispondenti, sadanittant, jaqblu li hemm ukoll element ta’ sogru għall-partit ta’ Farage. Dan minħabba sitwazzjoni fejn il-Partit ta’ Brexit ‘jgħin’ biex il-Laburisti jirbħu s-siġġijiet – b’suċċess għal Corbyn kapaċi jwassal għal referendum ġdid dwar il-futur tar-Renju Unit taħt Gvern Labaurista.