ĦAMRUN SPARTANS…………….. 1
SANTA LUCIA………………………. 1
Ħamrun: J.C. Debattista, K. Micallef, O. Nikolopoulos, M. Cinquini, C. Failla, T. Caruana, V. Alhinho, M. Criaco, S. Lagzir, A. Soares (D. Borg 72’), W. Domoraud
Santa Lucia: R. Caruana, J. Walker, K. Pinheiro Correia, G. Bohrer Mentz, D. Agius, D. Mendoza, C. Torres, O. Elouni (A. Magri Overend 58’), K. Ante Rosero (L. Galea 88’), K. Tachikawa (J. Zerafa 77’), W. Gomes
Imwissija: O. Nikolopoulos 6’, V. Alhinho 31’, S. Lagzir 55’ (Ħ), D. Mendoza 56’, K. Pinheiro Correia 67’, C. Torres 72’, K. Ante Rosero 83’ (S)
Skorjaw: W. Domoraud 72’ (Ħ), J. Zerafa 78’ (S)
Referee: Mario Apap
Assistenti Referees: Mitchell Scerri, Ivan Galea
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Valdo Alhinho (Ħamrun Spartans)
BOV Plejer tal-logħba: Wilfried Domoraud (Ħamrun Spartans)
Attendenza: 514
Prestazzjoni pożittiva fit-tieni taqsima wasslet lil Santa Lucia biex jiksbu punt kontra Ħamrun Spartans wara żewġ telfiet konsekuttivi. Għal Ħamrun dan kien it-tieni draw konsekuttiv. Ir-riżultat finali jista’ jitqies bħala wieħed ġust hekk kif Ħamrun kienu l-aħjar tim fl-ewwel taqsima iżda fit-tieni taqsima kienu aktar difensivi u ppermettew lil Santa Lucia jagħfsu aktar biex isibu l-gowl.
Għal Ħamrun beda l-gowlkiper Jean Claude Debattista flok l-imweġġa’ Manuel Bartolo filwaqt li rritorna Karl Micallef. Tliet bidliet għal Santa Lucia mit-telfa kontra Hibernians, b’Kevin Correia, Rei Tachikawa u Omar Elouni jibdew flok Farid Zuniga, Nick Borg u Maicon Santana.
Ħamrun ħolqu l-ewwel periklu wara erba’ minuti bil-gowlkiper Ryan Caruana ma jaħtafx il-ballun minn kross mil-lemin. Il-ballun spiċċa fid-direzzjoni ta’ Marco Criaco li iżda ra x-xutt fil-baxx minn qagħda ideali jgħaddi barra. Santa Lucia bdew joperaw bil-kontrattakk u bdew jippruvaw b’konklużjonijiet minn barra l-kaxxa, b’Ħamrun jippruvaw fis-17-il minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Valdo Alhinho li ġie salvat f’darbtejn minn Caruana.
Il-Ħamruniżi marru fil-vantaġġ żewġ minuti wara b’passaġġ intelliġenti ta’ Alhinho lejn WILFRIED DOMORAUD li kkontrolla u għeleb lil Caruana b’xutt fil-baxx mill-viċin. L-Ispartans baqgħu jżommu l-pussess iżda fid-39 minuta Santa Lucia setgħu ġabu d-draw bi kross mix-xellug isib lil Rei Tachikawa iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu spiċċat ftit barra. Żewġ minuti wara, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Soufiane Lagzir għadda ftit barra.
Santa Lucia ħarġu aħjar fit-tieni taqsima u bdew jitfgħu aktar pressjoni fuq l-avversarji. Il-Ġappuniż Tachikawa kellu żewġ okkażjonijiet importanti fl-ewwel tliet minuti tat-taqsima. L-ewwel xeħet barra b’daqqa ta’ ras minn qagħda tajba wara kross mil-lemin, biex minuta wara ra x-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra.
Ċans ieħor għal Santa Lucia fit-68 minuta, bil-gowlkiper Jean Claude Debattista jkun attent biex salva xutt b’saħħtu ta’ Kevin Ante Rosero għalkemm kien ċentrali. Żewġ minuti wara fuq in-naħa l-oħra, xutt ta’ Lagzir ta l-illużjoni tal-gowl iżda l-ballun għadda ċentimetri barra.
Il-gowl meritat tad-draw wasal fit-78 minuta b’ġirja tajba ta’ Wilkerson Gomes li daħal fil-kaxxa bil-ġirja u qabbeż fuq Debattista, bis-sostitut JAMIE ZERAFA jkompli l-ballun għal ġewwa bir-ras. Ħamrun donnhom stenbħu wara dan il-gowl u fl-84 minuta free-kick ta’ Mattia Cinquini kien salvat minn Caruana mingħajr ma żamm il-ballun, biex ftit wara x-xutt ta’ Lagzir għadda ftit barra.
//= $special ?>