Internazzjonali

Spanja: Rabja kbira għal verdett ta’ maħfra dwar stupru

Id-deċiżjoni ta’ qorti, f’Barċellona, biex jinħafru l-akkużi ta’ stupru fil-konfront ta’ ħames irġiel qajjmet rabja kbira, bis-sindku tal-belt, Ada Colau tfisser is-sentenza bħala waħda ‘kundannabbli.

L-irġiel kienu akkużati li stupraw tifla ta’ 14-il sena bħala ‘grupp’, bil-qorti teskludi li dan, fil-fatt, kien każ ta’ stupru għaliex il-vittma kienet ‘mitlufa minn sensiha’. Il-verdett, intant, sostna li l-irġiel akkużati la użaw vjolenza u lanqas intimidazzjoni fil-konfront tal-vittma.

Dawn l-elementi kollha huma rikjesti, taħt il-liġi Spanjola, għal akkuża valida dwar aggrediment sesswali – li legalment hu l-ekwivalenti għal stupru.

Minflok, l-irġiel spiċċaw ikkundannati u mogħtija l-ħabs dwar abbuż sesswali li hu reat anqas gravi. Il-ħamsa ngħataw sentenzi ta’ bejn għaxra u tnax-il sena ħabs waqt li verdett ta’ ħtija għal aggrediment sesswali kellu jġorr sentenzi ta’ bejn ħmistax u għoxrin sena priġunerija.

Fil-preżent, għaddejja analiżi, fi Spanja, biex ikun deċiż jekk il-każi ta’ stupru jibbażawx fuq il-kunsens espliċitu tal-mara għal relazzjonijiet sesswali.

Numru ta’ pajjiżi Ewropej, fl-aħħar snin, biddlu l-liġijiet tagħhom biex jiddefinixxu każ ta’ stupru bħala sess mingħajr il-kunsens tal-individwu. L-Iżvezja biddlet il-liġi proprju s-sena l-oħra, waqt li d-Danimarka tinsab fil-proċess li tagħmel l-istess.

Il-verdett mill-qorti ta’ Barċellona ngħata minkejja verdett li ħareġ mill-Qorti Suprema Spanjola għal każ simili u li kien żied il-livell ta’ kundanna minn abbuż għal aggrediment sesswali.

Filwaqt Ii l-gruppi favur id-drittijiet tal-mara reaġew ukoll b’rabja għas-sentenzi ‘żgħar’ li weħlu l-irġiel, l-għadab dwar il-verdett f’Barċellona qed ikun rifless ukoll fil-midja soċjali. Dan meta l-attivisti favur il-mara kienu qed isejħu għal protesta f’Manresa (fiċ-ċentru tar-reġjun ta’ Katalonja)  kontra l-verdett.