Lokali

‘Speed Dating’ waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Inqas minn Ġimgħa għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, festival li hu meqjus bħala wieħed mill-akbar avvenimenti kulturali f’Malta relatati mal-kotba u l-qari.

Il-programm tal-attivitajiet fih aktar minn 90 attività immirati għat-tfal, familji, professjonisti fil-pubblikazzjoni u l-pubbliku ġenerali.

Wieħed jista’ jsib tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, konferenzi u taħditiet sa drammatizzazzjonijiet, premieres ta’ xogħlijiet awdjoviżivi, workshops, seminars u attivitajiet ta’ divertiment għat-tfal, fost oħrajn.

Dawn l-attivitajiet jittellgħu mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jew f’kollaborazzjoni mal-imsieħba u l-eżebituri tal-Festival.

Dis-sena l-mistiedna speċjali tal-Festival hija l-Imħallef Rosemarie Aquilina. Aquilina hija bint emigrant Malti fl-Istati Uniti u serqet ix-xena internazzjonali s-sena l-oħra meta ppresediet il-każ ta’ Larry Nassar, l-eks-kowċ tat-Tim Nazzjonali Amerikan tal-Ġinnastika li nstab ħati li abbuża minn mijiet ta’ tfajliet tul 20 sena li kien ilu f’dik il-kariga.

It-tema ewlenija ta’ din l-edizzoni hija l-letteratura fantaxjentifika. It-tema ntgħażlet abbażi tar-rumanz rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2018, Rokit ta’ Loranne Vella.

Mal-1,700 student mistenija jżuru l-Festival kuljum u għalihom hemm preparati żewġ xows ibbażati fuq il-kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka tas-sena l-oħra. F’kollaborazzjoni mal-KNK, grupp ta’ atturi mmexxija minn Antonella Axisa se jadattaw Mamà, allura din imħabba? ta’ Moira Scicluna Zahra u Mark Scicluna għal tfal tal-primarja u Jarmuk ta’ Steven Lughermo għal tfal akbar.

Il-mistieden internazzjonali Dave Rudden se jagħmel xow ukoll nhar il-Ġimgħa filgħodu. Rudden dar id-dinja jżur skejjel u jitkellem mal-istudenti dwar il-potenzjal tal-kitba fihom.

Imbagħad hemm ix-xows Il-Kotba Jieħdu l-Ħajja ta’ DANUSAN, li se jsiru nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru fis-7pm, is-Sibt 9 ta’ Novembru fit-8pm u l-Ħadd 10 ta’ Novembru fit-3pm. Wieħed jista’ jibbukja l-biljetti tiegħu minn showshappening.com.

Nhar il-Ġimgħa, jum il-poeżija waqt il-Festival, se jitħabbru r-rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef. Se jkun hemm qari ta’ poeżija minn poeti stabbiliti waqt avvenimenti speċjali fit-8pm,

Is-Sibt 9 ta’ Novembru se jkun hemm is-serata ta’ xogħol awdjoviżiv ikkummissjonat mill-Kunsill fl-2019.

Inizjattiva ġdida għall-Festival hija l-Inkontri Letterarji Qosra (Literary Speed Dating) ma’ professjonisti fil-pubblikazzjoni. L-inkontri se jagħtuk il-possibbiltà li titkellem mal-awtur, pubblikatur jew illustratur favorit tiegħek inkella tiddiskuti ma’ professjonisti stabbiliti waqt il-Festival.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħa ħsieb ukoll li jipprovdi mezz alternattiv ta’ trasport għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Ipparkja l-karozza l-Furjana u aqbad ix-shuttle tal-Festival li se topera kull nofs siegħa minn Bay A fit-Terminus tal-Belt lejn Dar il-Mediterran u oħra lura fl-istess ħin. Is-servizz huwa b’xejn u qed jiġi offrut minn Malta Public Transport. Għall-ħinijiet wieħed jista’ jidħol www.ktieb.org.mt

Il-programm ddettaljat jista’ jitniżżel minn fuq – https://ktieb.org.mt/wp-content/uploads/2019/09/MBF2019_Programme-website-A5_MLT-SC-SPREADS.pdf