Ambjent Għawdex Lokali

WARA D-DEĊIŻJONI TAL-QALA: “L-argumenti tal-Gvern intremew darba għal dejjem” – Cyrus Engerer

Ir-rappreżentant tal-PL ivvota favur dan l-iżvilupp ta' villa bil-pool f'nofs l-għelieqi

Il-kandidat Laburista Cyrus Engerer ingħaqad ma’ Alfred Sant u ħareġ jikkundanna id-deċiżjoni li tmur kontra dan li tant ftaħar li se jagħmel Gvern ġdid Laburista taħt l-għajta ta’ ‘Malta Tagħna Lkoll’.

Fuq Facebook, Engerer kiteb li “l-argument li l-Partit Laburista dejjem juza kontra l-Partit Nazzjonalista dwar it-tibdil fiz-zoni tal-izvillup tal-2006 intrema’ darba ghal dejjem. Ma jistghax isir uzu iktar minn dan l-argument bi kredibilità, ghaliex il-vot tal-Gvern Laburista fuq il-bord ghamel l-istess haga”

Cyrus Engerer kien qed jirreferi għad-Deputat Laburista Clayton Bartolo li jifforma parti mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li approva l-permess ta’ żvilupp ta’ villa bil-pixxina fuq art ODŻ f’nofs l-għelieqi fil-Qala, Għawdex. Bartolo huwa rappreżentant tal-Gvern fuq dan il-Bord.

Clayton Bartolo – Ir-rappreżentat tal-Gvern fuq il-Bors tal-Awtrotià tal-Ippjanar

Għall-kontra ta’ Bartolo, id-Deputat Nazzjonalista Mathese Portelli f’isem l-Oppożizzjoni vvotat kontra dan l-iżvilupp massiċċ.

Infatti l-vot li ttieħed ġie 7 voti favur u 4 voti kontra.

Cyrus Engerer qal li b’dan il-vot “Issa wkoll inholoq precedent.” U staqsa “Kif jista’ issa Gvern Laburista jivvota kontra zvillup ta’ haddiehor fl-ghelieqi, jekk f’dan il-kaz ivvota favur?” kif ukoll staqsa l-mistoqsijja fuq fomm kulħadd, jekk dan huwx verament “Gvern ta’ opportunitajiet indaqs, le?” … kif tant kien jgħid lura fl-2013 biex kiseb il-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Kunsill Lokali kien u għadu kontra dan l-iżvilupp bil-Kunsilliera Lokali tal-PN fil-Qala, għalkemm f’minoranza kienu minn ta’ quddiem kontra din l-applikazzjoni.

Infatti wara din l-aħbar il-Minority Leader Karl Buttigieg u l-Kunsilliera Valerie Cassar Mejlak stqarrew ma’ Net News li din id-deċiżjoni tkompli turi li l-Gvern flok qiegħed jaqbeż għall-interessi tar-residenti tal-Qala, qed jaqbeż għall-iżviluppaturi spekulattivi.

Xi ħaġa tal-iskantament li l-Kunsilliera Laburista fil-Kunsill Lokali tal-Qala huma kontra dan il-proġett, madnakollu l-uffiċjal tal-Gvern Laburista fil-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ivvota favur dan l-imsemmi żvilupp

Residenti mill-Qala li tkellmu ma’ Net News qalulna li huma ferm irrabjati għar-rappreżentant tal-Gvern Laburista fil-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, illi vvota favur dan l-imsemmi żvilupp.

Wara din id-decizjoni, l-għaqda ambjentali  Din l-Art Ħelwa qalet illi hu inaċċettabbli li din iz-zona mill-isbaħ se tinqered, bi żvilupp li sejħitlu mhux sostenibbli.

Intant dwar dan tkellem ukoll sa anki l-MEP Laburista Alfred Sant talab biex l-Awtorità tal-Ippjanar spjega pubblika u dettaljata dwar id-deċiżjoni riskjuża li ħadet biex tawtorizza l-bini ta’ villa kbira barra l-Qala f’Għawdex, f’żona agrikola li mhijiex mogħtija għall-bini, meta r-rakkomandazzjoni kienet biex il-permess ma jinħariġx u x’wassal ukoll biex ittieħdet din it-tali deċiżjoni.