Id-Deputat Laburista Clayton Bartolo, li hu r-Rappreżentant tal-Partit u tal-Gvern Laburista fil-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, ma ċaħadx li l-pożizzjoni tiegħu hi komuni fost sħabu kollha fil-Grupp Parlamentari Laburista.
Dan wara li vvota favur proġett li kien se jeqred żona ambjentali fuq art ODZ fil-Qala.
Filwaqt li d-Deputat Laburista qabel li fuq din l-art tinbena villa kbira bil-pool, id-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli – li tirrappreżenta lill-Oppożizzjoni fl-istess Bord – baqgħet tiddefendi l-pożizzjoni tal-Qalin u vvutat kontra.
Id-Deputat kien mistoqsi dwar dan minn NET News, fejn tenna li m’għandux xi jwieġeb ħlief dak li diġà qal fil-jumejn li għaddew.
Kien ċar li d-Deputat Laburista kien skomdu jikkummenta dwar din il-pożizzjoni – issa bil-konferma li din hi waħda kollettiva.Għaldaqstant, anke f’dan il-każ, il-poplu qed jibqa’ b’aktar mistoqsijiet milli tweġibiet, b’silenzju li jtarrax mill-Gvern quddiem il-kritika li qed jiffaċċja.
//= $special ?>