Everton jilqgħu lil Tottenham Hotspur għada f’Goodison Park, f’konfront bejn żewġ timijiet iddisprati li jirbħu l-punti wara l-bidu diffiċli tagħhom. Everton li ġejjin minn rebħa kontra Watford it-Tlieta li għadda fil-Carabao Cup, jinsabu fis-16-il post b’żewġ punti biss fuq iż-żona tar-relegazzjoni. Tottenham ġejjin minn telfa barra minn darhom kontra t-tim l-ieħor ta’ Merseyside, Liverpool. Il-manager ta’ Tottenham Mauricio Pochettino jittama li jikseb l-ewwel rebħa fil-kampjonat f’aktar minn xahar.
Everton għadhom mingħajr Jean-Philipe Gbamin u Bernard, b’Yerry Mina jinsab dubjuż. Apparti Hugo Lloris, Tottenham għandhom lil Erik Lamela u Ryan Sessegnon dubjużi, b’Danny Rose se jkun sospiż. Il-manager ta’ Everton Marco Silva jittama wkoll li jikser ir-rekord negattiv kontra Tottenham, hekk kif Everton ilu ma jirbħu dan il-konfront minn Diċembru tal-2012. L-aħħar konfront f’Goodison Park, Tottenham kienu rebħu 6-2 b’doppjetta ta’ Heung-Min Son u Harry Kane.
Manchester United se jfittxu li jiksbu r-raba’ rebħa konsekuttiva barra minn darhom b’konfront kontra Bournemouth. It-tim ta’ Eddie Howe jittama li jsib il-forma tal-gowls quddiem il-partitarji wara l-aħħar prestazzjonijiet kontra Norwich u Watford.
Ir-Red Devils kienu ilhom kważi nofs sena ma jiksbu rebħa barra minn darhom iżda f’anqas minn ġimgħa kisbu tliet rebħiet. Id-draw kontra Liverpool jidher li ta ispirazzjoni ġdida lil Manchester United. Quddiemhom mistennija jsibu tim li jagħlaq l-ispazju u għalhekk il-logħba tagħhom mistennija li tkun aktar diffiċli. Il-manager Ole Gunnar Solskjaer qal li Marcus Rashford u Harry Maguire dubjużi filwaqt li Nemanja Matic u Luke Shaw jinsabu dubjużi, b’Paul Pogba jibqa’ nieqes.
Tim li jinsab taħt pressjoni wkoll huma Arsenal li fl-Emirates Stadium jilqgħu lil Wolves. Ġimgħa ilu huma tilfu vantaġġ doppju kontra Crystal Palace u se jsibu quddiemhom tim li qed jipprova jtawwal is-serje ta’ ħames logħbiet mingħajr telfa. Wara l-kontroversja li seħħet ġimgħa ilu, il-manager ta’ Arsenal Unai Emery ikkonferma li Granit Xhaka mhux se jilgħab. Wolves se jippruvaw jieħdu vantaġġ mid-difiża avversarja bil-kontrattakki, tant li mill-aħħar 23 logħba f’darhom fil-Premier League, kien f’logħba minnhom biss li ma sofrewx gowl.
Premier League
Illum: Bournemouth v Manchester United 1.30pm, Arsenal v Wolves 4.00pm, Aston Villa v Liverpool 4.00pm, Brighton v Norwich 4.00pm, Manchester City v Southampton 4.00pm, Sheffield United v Burnley 4.00pm, West Ham v Newcastle 4.00pm, Watford v Chelsea 6.30pm
Għada: Crystal Palace v Leicester 3.00pm, Everton v Tottenham 5.30pm
//= $special ?>