“L-irtirar tal-imprenditur li ppropona l-bini ta’ villa barra l-Qala milli jkompli bil-permess li ngħata lbieraħ mill-Planning Commission tpoġġi liċ-chairperson ta’ din il-Kummissjoni f’qagħda impossibbli.”
“Moralment u professjonalment għandha tirriżenja mill-kariga fejn tinsab għax il-konflitti ta’ interess — jew id-dehra tagħhom — saru lampanti.”
Fil-qerda tal-ambjent naturali, it-tattika saret li l-ewwel tpoġġi sieqek mal-bieb biex tiftaħ xaqq, imbagħad irkoppa u fl-aħħar tiftaħ il-bieb kollu ħalli jgħaddi d-dilluvju.
L-ispazji fejn dan id-dilluvju jista’ jinfirex qed jonqsu sew.
“Min jiddefendina kontra d-dilluvju ma jistax jidher (anke jekk ma jkunx) li jista’ jiggwadanja minnu.”
Kliem l-MEP Alfred Sant li fuq Facebook akkuża liċ-Chairperson tal-Planning Commission, Elizabeth Ellul b’kunflitt ta’ interess fejn sejjaħ għar-reżenja tagħha b’mod immedjat.
Dan seħħ fid-dawl ta’ permess li ħareġ il-ħamis li għadda biex kamra żgħira fil-Qala Għawdex issir villa bil-pool fuq art ODZ.

Għalkemm il-permess ħareġ, fl-aħħar ħinijiet, l-iżviluppatur irtira dan kollu u qal li mhux ser ikun qed ikompli b’dan l-iżvilupp li ħafna qalu li se joqtol żona ambjentali f’Għawdex.
Favur dan il-proġett ivvota d-Deputat Laburista, Clayton Bartolo li tpoġġa fuq dan il-bord mill-Prim Ministru Joseph Muscat f’isem il-Gvern, vot li qajjem kontroversja sħiħa anke minn esponenti tal-Partit Laburista stess.
Id-Deputat Nazzjonalista, Marthese Portelli, li tifforma parti minn dan il-bord, ivvutat kontra dan l-iżvilupp massiċċ.
//= $special ?>