Il-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) u l-Earth System Organization (ESA) irringrazzjaw lill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) għall-impenn tiegħu biex il-Parlament jiddikjara Stat ta’ Emerġenza fil-Klima.
L-appell tal-KNŻ sar possibbli grazzi għall-Mozzjoni li ressaq il-Partit Nazzjonalista fil-Parlament, li wasslet biex il-Gvern jibdel il-pożizzjoni tiegħu u b’hekk, Malta saret il-ħames pajjiż fid-dinja li ddikjarat dan.
Il-GUG qal li permezz t’hekk, inġiebet aktar importanza ta’ għarfien dwar din il-kriżi, b’żgħażagħ u diversi organizzazzjonijiet oħra jagħmlu l-parti tagħhom lejn viżjoni aktar ekoloġika għall-futur.
Kull kontribuzzjoni żgħira għall-bidla fil-klima tista’ tgħin u anke Għawdex jista’ jkun sors għal inizjattiva bħal din.
Il-GUG kompla li meta tkun gżira żgħira għandek il-vantaġġi tiegħek, peress li tippromwovi aktar effiċjenza u komunikazzjoni, li huma l-assi ewlenin għal riżultati sodisfaċenti.
Fost l-oħrajn huma ħabbru numru ta’ proposti b’rabta mal-użu tal-ilma, l-iskart, l-edukazzjoni, il-biodiversità, it-trasport u l-infrastruttura.
Il-Grupp sostna li hi r-responsabbiltà u d-dmir taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin li jipproteġu lill-gżejjer tagħna u jgħinu fil-ġlieda kontra l-effetti negattivi tal-bidla fil-klima.
//= $special ?>