Ambjent Għawdex Lokali

It-triq għall-qerda ta’ Għawdex?

Għat-tieni ġurnata konsekuttiva, il-Kandidat Laburista Cyrus Engerer reġa’ ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-qerda ambjentali li qed issir f’Malta, iżda b’mod speċjali f’Għawdex.

Wara li kkundanna l-vot tal-Membru Parlamentari Laburista magħżul minn Joseph Muscat fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, Clayton Bartolo, dwar villa bil-pool fil-Qala, issa fuq Facebook reġa’ staqsa jekk dan hux “il-bidu tad-distruzzjoni ta’ Għawdex”.

Il-pjanijiet biex tinbena blokka kbira ta’ appartamenti fiż-żona ta’ konservazzjoni urbana ta’ Sannat, ippreżentata minn Joseph Portelli u sħabu, ġew approvati mill-Kummissjoni tal-Ippjanar, f’deċiżjoni oħra kontroversjali ta’ bini fil-gżira Għawdxija fl-aħħar jiem.

Din hi t-tieni deċiżjoni xokkanti din il-ġimgħa, wara li l-Ħamis, l-Awtorità tal-Ippjanar tat lil Portelli u lil sħabu permess biex jibnu villa bil-pool fuq art ODZ fil-Qala.

Bħall-każ tal-Qala, l-oġġezzjonijiet kollha, inklużi dawk magħmula minn entitajiet oħra tal-Gvern inkluż id-Direttorat tal-Ippjanar, ġew miċħuda mill-Kummissjoni tal-Ippjanar, ippreseduta minn Elizabeth Ellul u għal darb’oħra għaddiet tal-applikanti.

Il-ġurnal Times of Malta rrappurtaw li l-appartamenti ġew irreklamati għall-bejgħ fuq is-sit elettroniku tal-iżviluppaturi malli l-iżviluppaturi ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni tal-Ippjanar irrifjutat li tipposponi d-deċiżjoni tagħha wara applikazzjoni ppreżentata kontra dan l-iżvilupp fuq din id-dar ta’ 100 sena.

Min oġġezzjona argumenta li minħabba li hemm raġunijiet storiċi biex tinħareġ ordni ta’ konservazzjoni ta’ emerġenza, li tagħti liż-żona protezzjoni ogħla, il-Kummissjoni kellha l-obbligu tistenna d-deċiżjoni ta’ Bord ieħor tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Taħt ċirkostanzi normali, il-Kummissjoni tiffriża l-proċess tal-applikazzjoni għall-iżvilupp sakemm tkun eżaminata u determinata t-talba … iżda żgur li f’Malta mhux qed ngħixu f’ċirkostanzi normali, b’ħafna jibqgħu jistaqsu meta se jasal l-aqwa żmien ta’ pajjiżna u meta verament se nikbru flimkien.