Il-Kap tal-Knisja f’Malta l-Arċisqof Charles J. Scicluna talab maħfra għall-ħitan li bniet il-knisja li fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata li kienu jiddistingwu lill-persuni mejtin. Qal li l-Knisja hi umana, u tiżbalja, iżda bħall-umani taf tammetti fejn tiżbalja u titlob maħfra.
Din l-istqarrija ħarġet waqt quddiesa ċċelebrata b’suffraġju għall-Mejtin kollha. Dwar dan permezz ta’ tweet, il-Kap tal-PN Adrian Delia sejjaħ din l-istqarrija bħala pass importanti biex din il-pjaga li ħalliet marka f’dawn l-aħħar snin, tittaffa.
Illum 2 ta’ Novembru, il-jum li l-Knisja Kattolika tfakkar lil dawk li ħallew din id-dinja qabilna – l-Għid tal-Erwieħ. Festa li matulha ħafna jżuru l-postijiet sagri madwar Malta u Għawdex biex isellmu lill-għeżież tagħhom.
Fl-Omelija, l-Arċisqof Monsinjur Charles J. Scicluna qal li l-Mulej isejjaħ imbierka lil dawk li jġibu l-paċi, lil dawk li għandhom qalbhom safja u lil dawk li huma ppersegwitati, din l-hena tibda mid-dinja u tkompli mal-mewt, meta jiltaqgħu m’Alla.
Monsinjur Scicluna għalaq billi ħeġġeġ għal aktar talb għall-għeżież mejtin tagħna biex dawn jaqilgħu l-ħniena u l-grazzja ta’ Alla.
Sadanittant, f’dan il-jum, fil-Knejjes l-oħra saru ċelebrazzjonijiet għal dan il-Jum, b’Quddies li matulu jitfakkru dawk li ħallewna, iżda fuq kollox iċ-ċelebrazzjoni tal-Ħajja tagħhom magħna.
Dan hekk kif il-Knisja Kattolika tgħallem li l-mewt hu l-pass mill-ħajja kif nafuha aħna għall-Ħajja ta’ Dejjem.
Normalment, min ma jkunx jista’ jmur f’dan il-Jum, jagħmel dan matul il-kumplament tax-xahar. Għalhekk meta wieħed jgħaddi minn barra xi Ċimiterju, ikun jista’ jinnota tapit ta’ dawl inemnem mix-xemgħat u l-kuluri mill-fjuri li jitpoġġew fuq l-oqbra.
Perjodu li matulu wieħed jirrifletti qabel ma f’Diċembru, l-ambjent jinbidel totalment għaż-żmien ferrieħi tal-Milied u l-Festi ta’ dawk il-jiem.
F’dak iż-żmien, għall-kuntrarju, wieħed jiċċelebra l-bidu tal-ħajja, partikolarment bit-twelid ta’ Ġesù Bambin.
//= $special ?>