Rebħa għall-ambjent t’Għawdex
L-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli waqqa’ b’effett immedjat il-permess biex jibni villa kbira bil-pool fil-Qala Għawdex, fuq art ODZ, wara li l-approvazzjoni mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar qajmet kontroversja sħiħa.
Id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, mgħejjuna mir-Rappreżentat tal-Gvern fuq dan il-Bord, id-Deputat Clayton Bartolo li vvota favur, wasslet għall-kritika tal-NGOs u tal-Oppożizzjoni, filwaqt li kkawżat ukoll battibekki kbar fil-Partit Laburista stess, bil-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant, iċ-Chairman tal-media Laburista Jason Micallef u l-Kandidat Cyrus Engerer kienu fost dawk li ħaduha kontra d-deċiżjoni tal-Gvern u l-Partit tagħhom stess.
Fl-aħħar ħinijiet tkellmu ma’ NET News il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-Qala, li jħossu li din hi rebħa għall-poplu tal-Qala. Saħqu li jinsabu kuntenti li flimkien mal-Partit Nazzjonalista kienu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja u ta’ vuċi għar-residenti tagħhom.
Huma rringrazzjaw lil dawk li ngħaqdu f’din il-ġlieda favur dak li hu sew u ġust, fosthom anke l-għaqdiet ambjentali. Il-Kunsillieri Nazzjonalisti wegħdu li se jkomplu jaħdmu ħalli jiżguraw li kull żvilupp li jsir fir-raħal ikun wieħed sostenibbli, bir-residenti jiġu l-ewwel.
Il-Kunsilliera tal-PN se jassiguraw li l-permess ġaladarba issa qed jigi revokat mill-izviluppatur, jigi kancellat mill-Awtorita’ tal-Ippjanar darba għal dejjem dan filwaqt li l-Kunsill Lokali tal-lokalità b’post fuq Facebook ħabbar li ser ikunu qed jieħdu parir legali biex jaċċertaw li l-permess ġie għal kollox revokat.
//= $special ?>