Għaddejjin minn proċess ta’ riforma ta’ tisħiħ u tiġdid tal-PN biex nassiguraw li l-PN ikun il-katalist tal-bidla għas-snin li ġejjin. Din se tkun it-tieni fażi tar-riforma li beda l-partit f’Lulju li għadda. Il-Kumitat Eżekuttiv din il-ġimgħa ddeċieda li hekk kif jiġu approvati l-emendi għall-Istatut jgħaddi għat-tiġdid tal-karigi, tal-kumitati u ta’ kull organu ieħor tal-Partit. Fuq mozzjoni tiegħi, sekondata minn Clyde Puli s-Segretarju Ġenerali, il-Kumitat Eżekuttiv iddeċieda unanimament li jestendi l-mandat tal-uffiċċjali attwali tal-Partit, tal-Kumitati u tal-fergħat sal-aħħar ta’ Marzu 2020. Din il-miżura hija meħtieġa biex it-tiġdid tal-karigi tal-uffiċċjali u l-organi tal-Partit iseħħ skond ir-regoli l-ġodda.
Ninsab sodisfatt ħafna bl-interess ġenerali li qed iqanqal il-proċess ta’ riforma fil-partit. Infaħħar l-impenn li qed juru l-kumitati, l-ferghat u l-organi kollha tal-partit u dawk kollha involuti bis-sehem attiv u kostruttiv li qed jagħtu f’dan il-proċess. Inħeġġeġ sabiex fil-ġimgħat li ġejjin kulħadd jingħaqad fid-djalogu li ser isir f’kull livell u f’kull kumitat tal-Partit bl-iskop li t-tiġdid u r-riorganizzazjoni tal-Partit ikunu tal-akbar servizz għall-poplu Malti u Għawdxi, dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM is-sibt filgħodu.
Adrian Delia spjega kif din il-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista ta xhieda oħra ta’ partit proattiv. Għal darba oħra konna aħna l-protagonisti bil-gvern jiġi jaqbel magħna. Permezz tad-deputati nazzjonalisti Għawdxin, Chris Said, Marthese Portelli, Frederick Azzopardi u Kevin Cutajar. Ressaqna mozzjoni għal Standing Committee dwar Għawdex biex jiffoka għal kollox fuq l-isfidi u l-ħtiġijiet tal-Għawdxin. Għawdex għandu sfidi partikolari: ta’ xogħol; it-traġitt bejn iż-żewġ gżejjer imma fuq kollox joffri opportunitajiet kbar li jekk nagħrfu nisfruttawhom nagħtu spinta qawwija lil Għawdex u nkattru l-investiment. Il-PN determinat li jagħmel dan, qal il-Kap tal-PN.
Adrian Delia rrefera wkoll għal qasam tas-saħħa u l-kwistjoni tal-isptarijiet. €50 miljun fis-sena li setgħu marru għall-mediċini b’xejn, kundizzjonijiet aħjar għall-infermiera u aktar infermiera ġodda, swali ġodda u tnaqqis fil-waiting list il-Gvern għażel li jibqa’ jagħti dawn il-flus lil Steward HealthCare li, minn naħa tagħhom f’dawn is-sentejn m’għamlu l-ebda investiment maġġuri f’pajjiżna. Minkejja li l-Assoċjazzjoni tat-tobba qed tgħid li dan il-ftehim falla, il-Prim Ministru jibqa’ jilgħabha li ma jaf xejn, u jibqa’ jaħrab milli jwieġeb. Dan skandlu u skandlu kbir għax mhux biss qed nitkellmu dwar miljuni kbar mit-taxxi tal-poplu, iżda fuq kollox għax fin-nofs hemm l-aktar ħaġa għażiża li għandu l-bniedem: saħħtu, temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Mistoqsi dwar l-iżvilupp li ġie approvat fil-ġranet li għaddew fil-Qala u li kulħadd qed jitkellem dwaru, Adrian Delia wieġeb illi dan m’huwa żvilupp xejn imma bini li ser isir fejn huwa ċar u evidenti illi mhu ser jagħmel xejn hlief ħsara ambjentali. Qed jitkellmu dwaru ir-residenti kollha tal-Qala, il-Kunsill Lokali tal-Qala, il-membri parlamentrali Għawdxin tal-PN, il-kelliema Nazzjonalisti tal-Awtorità tal-Iżvilupp u tal-Awtorità tal-ambjent Nazzjonalisti, l-ambjentalisti, iż-żgħażagħ, l-oppożizzjoni, l-Għawdxin u l-Maltin kollha, imma mhuma qed jitkellmu xejn il-membri tal-Awtorità tal-Ippjanar li approvatu, il-membru parlamentali Clayton Bartolo li vvota favurih, il-Ministru tal-Ambjent, il-Ministru tal-Finanzi li dan l-aħħar qed jiddandnu jxejru l-bandiera ambjentali u l-Prim Ministru illi fl-aħħar ġranet waqgħu f’muta ttarrax. Dawn għandhom obbligu illi jwieġbu u dmir illi jagħti rendikont ta’ għemilhom lill-poplu tagħna.
//= $special ?>