Lokali

Ajruplan żgħir involut f’inċident fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta

Għall-ħabta tad-8.45 ta’ dalgħodu, ajruplan żgħir kien involut f’inċident fir-runway tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Abbord dan l-ajruplan kien hemm żewġ persuni, li fortunatament ma sofrew ebda ġrieħi.

Immedjatament membri mit-tim ta’ salvataġġ u tifi tan-nar marru fuq il-post, fejn ħadu kontroll tas-sitwazzjoni u taw l-għajnuna lil dawk involuti.

Ir-runway kellha tingħalaq għal ftit ħin, fejn fi żmien tliet sigħat kollox reġa’ lura għan-normal. Fi stqarrija l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rringrazzja lil dawk kollha involuti f’din il-ħidma.

Dwar dan il-każ infetħet inkesta maġisterjali biex ikun stabbili x’kien il-kaġun wara dan l-inċident.