Formula 1 Sport

Bottas jirbaħ fiċ-ċirkwit ta’ Austin iżda Hamilton jassigura mis-sitt kampjonat tad-dinja

(Ritratt: EPA)

Valtteri Bottas kiseb ir-raba’ rebħa tal-istaġun meta spiċċaw fl-ewwel post fil-Grand Prix tal-Istati Uniti fiċ-ċirkwit ta’ Austin. Iżda l-unuri tal-ġurnata jmorru għal Lewis Hamilton li bit-tieni post miksub, ikkonferma matematikament is-sitt kampjonat tad-dinja u b’hekk jinsab kampjonat bogħod mir-rekord li jinsab għand Michael Schumacher.

Wara t-tellieqa, Valterri Bottas qal li kienet rebħa sabiħa u ħassu pożittiv fil-karozza mis-Sibt għaliex kellhom pass b’saħħtu ħafna. Hu kompla li l-unika ħaġa li seta’ jiffoka kienet fuq il-prestazzjoni tiegħu f’termini ta’ kampjonat. Il-Finlandiż feraħ lil Hamilton tas-suċċess u ammetta li b’mod personali naqas li jilħaq il-mira tiegħu.

Bottas kellu bżonn jirbaħ biex iżomm it-tamiet minimi li jibqa’ jisfida iżda għalkemm beda mill-pole position u kellu tellieqa fantastika, Hamilton kellu strateġija ta’ waqfa waħda u bħal dak li kien maħsub, it-tyres ma kienx maħsub li jwasslu sal-aħħar. Ġie deċiż li Hamilton jibqa’ barra u ħames dawriet mit-tmiem, Bottas prova jaqbżu fejn għal mument kważi missew ma’ xulxin u l-Finlandiż spiċċa parzjalment barra ċ-ċirkwit.

Dawra wara Bottas mar fuq quddiem fid-dritta u kkontrolla l-aħħar erba’ dawriet għar-rebħa. Hamilton irnexxielu jassorbi l-pressjoni finali ta’ Max Verstappen tar-Red Bull biex daħal fit-tieni post. L-Olandiż tar-Red Bull spiċċa anqas minn sekonda wara Hamilton u kiseb it-tieni podju konsekuttiv f’dan iċ-ċirkwit.

Ġurnata diffiċli għal Ferrari. Charles Leclerc daħal fir-raba’ post iżda distakkat mill-ewwel tliea filwaqt li Sebastian Vettel kellu jieqaf mat-tmien dawra. Il-Ġermaniż li beda mit-tieni post u wara ħruġ mhux daqshekk pożittiv, beda jitlef post wara l-ieħor sakemm kien ikkonfermat li kellu problema fis-suspension u għal xi kantuniera spiċċa jtellaq fuq tliet roti qabel kien sfurzat li jirtra.

Alexander Albon fuq Red Bull ikklassifika fil-ħames post wara li evita kuntatt fl-ewwel dawra ma’ Carlos Sainz ta’ McLaren. Prestazzjoni pożittiva oħra għal Daniel Ricciardo li fuq Renault daħal fis-sitt post, qabel il-koppja ta’ McLaren magħmula minn Lando Norris u Sainz. Nico Hulkenberg ta’ Renault temm fid-disa’ post, b’Sergio Perez ta’ Racing Point jieħu l-aħħar punt tat-tellieqa, kawża ta’ ħames sekondi penalità lil Daniil Kvyat ta’ Toro Rosso wara ħabta lejn it-tmiem.

Il-Grand Prix li jmiss issir fiċ-ċirkwit ta’ Interlagos f’Sao Paulo fil-Brażil fis-17 ta’ Novembru. Minħabba li ż-żewġ kampjonati huma deċiżi, mistennija jkun hemm anqas pressjoni u għalhekk jista’ jkun hemm tellieqa aktar divertenti.

Kif Spiċċaw: 1. Valtteri Bottas  (1:33:55.653), 2. Lewis Hamilton (+4.148s), 3. Max Verstappen (+5.002s), 4. Charles Leclerc (+52.239s), 5. Alexander Albon (+78.038s), 6. Daniel Ricciardo (+90.366s), 7. Lando Norris (+90.764s), 8. Carlos Sainz (+dawra), 9. Nico Hulkenberg (+dawra), 10. Sergio Perez (+dawra), 11. Kimi Räikkönen (+dawra), 12. Daniil Kvyat (+dawra), 13. Lance Stroll (+dawra), 14. Antonio Giovinazzi (+dawra), 15. Romain Grosjean (+dawra), 16. Pierre Gasly  (ma spiċċax), 17. George Russell (+2 dawriet), 18. Kevin Magnussen (ma spiċċax), Ma kklassifikawx: Robert Kubica, Sebastian Vettel

Klassifika tas-Sewwieqa: 1. Lewis Hamilton 381 punt, 2. Valtteri Bottas 314 punt, 3. Charles Leclerc 249 punt, 4. Max Verstappen 235 punt, 5. Sebastian Vettel 230 punt, 6. Alexander Albon 84 punt, 7. Carlos Sainz 80 punt, 8. Pierre Gasly 77 punt, 9. Daniel Ricciardo 46 punt, 10. Sergio Perez 43 punt, 11. Lando Norris 41 punt, 12. Nico Hulkenberg 37 punt, 13. Daniil Kvyat 35 punt, 14. Kimi Räikkönen 31 punt, 15. Lance Stroll 21 punt, 16. Kevin Magnussen 20 punt, 17. Romain Grosjean 8 punti, 18. Antonio Giovinazzi 4 punti, 19. Robert Kubica punt, 20. George Russell 0 punti

Klassifika tal-Kostrutturi: 1. Mercedes 695 punt, 2. Ferrari 479 punt, 3. Red Bull 366 punt, 4. Mclaren 121 punt, 5. Renault 83 punt, 6. Racing Point 65 punt, 7. Toro Rosso 64 punt, 8. Alfa Romeo 35 punt, 9. Haas 28 punt, 10. Williams punt