Futbol Sport

Doppjetta ta’ Paiber tkompli l-mixja trijonfanti ta’ Floriana 

George Cassar

MOSTA – 1 

FLORIANA – 3 

Mosta: A. Vella, D. Xuereb, D. Bonnici (Z. Brincat 56’), T. Farrugia, R. Morisco (C. Grech 15’), D, Kassekar (G. Aquilina 55’), M. Muchardi, N. Kotlov, A. Roach, J. Diouf, Weverton 

Floriana: I. Akpan, A. Cini, R. Camenzuli, E. Ruiz, J. Pisani, D. Venancio, M. Garcia (J. Busuttil 65’), U. Arias, B. Paiber (C. Borg 75’), K. Keqi, T. Fonseca (E. Herrera 83’) 

Imwissija: D. Xuereb 43’ (M), D. Kassekar 49’ (M), N. Kotlov 71’ (M) 

Skorjaw: K. Keqi – pen. 11’, B. Paiber 20’, 53’ (F), N. Kotlov 73’ (M) 

Referee: Eman Grech 

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Darko Stankovic   

Il-mument Plejer tal-logħba: D. Venancio (F) 

BOV Plejer tal-logħba: D. Venancio (F)  

Attendenza: 809 

Doppjetta ta’ Brandon Paiber wittiet it-triq għal rebħa oħra għal Floriana li b’hekk komplew bil-mixja trijonfanti tagħhom li tħallihom imsammrin fl-ewwel post.

Il-wirja tal-plejers Furjaniżi kienet waħda konvinċenti għal ħafna mill-ħin tant li sa inqas minn siegħa logħob kienu diġà tliet gowls vantaġġ, qabel irrilassawgħall-aħħar għoxrin minuta u ppermettew lill-Mostin jattakkaw u anki jisjurjaw. Għal Mosta dan ir-riżultat waqqfilhom il-mixja pożittiva ta’ tliet rebħiet konsekuttivi li fihom ma kinux sofrew gowl.  

Floriana marru fuq l-attakk sa mill-bidu. Fil-11-il minuta Rafael Morisco waqqa’ lil Diego Venancio fil-kaxxa u r-referì Eman Grech, li kien ftit passi  bogħod mill-azzjoni, indika penalty li ġie skurjat minn Kristian Keqi (ritratt). 

Il-bidu qawwi ta’ Floriana kien immarkat bit-tieni gowl fl-20 minuta. Il-freekick ta’ Diego Venancio kien immewwet mill-barriera, bil-gowlkiper Andreas Vella jtajjar temporanjament il-ballun, iżda Brandon Paiber ħa r-rebound u spara l-ballun fix-xibka.  

Qrib in-nofs siegħa logħob Mosta setgħu daħlu fil-logħba iżda d-daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Nicola Kotlov tkun salvata tajjeb minn Ini Akpan. Qabel għalqet l-ewwel taqsima Andreas Vella fil-lasti ta’ Mosta wera l-potenzjal tiegħu l-ewwel meta salva daqqa ta’ ras ta’ Tiago Fonseca wara korner, imbagħad tar minn tulu biex dawwar f’korner freekick mill-bogħod ta’ Diego Venancio.  

Il-Fujaniżi kkonsolidaw il-vantaġġ tagħhom fid-disa’ minuta tat-tieni taqsima meta Brandon Paiber kellu ħarba veloċi li temmha b’xutt għal ġox-xibka. B’hekk doppjetta għall-plejer offensiv ta’ Floriana li kompla bl-istaġun pozittiv tiegħu bit-tama wkoll li jibda jitbexxaq għalih il-bieb tat-Tim Nazzjonali.  

Fl-aħħar għoxrin minuta Floriana waqgħu ftit lura filwaqt li Mosta bdew jersqu eqreb il-lasti avversarji tant li fit-73 minuta Nikita Kotlov skorja b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa. F’dan il-mument kien hemm rabja mill-partitarji Furjaniżi mhux wisq minħabba l-gowl li sofrew imma iktar minħabba li l-persuna fuq il-PA system bi żball qalet: “Gowl għal Valletta”. 

Mosta baqgħu jitjiebu iżda ma kienx biżżejjed biex jerġgħu jiskurjaw u jidħlu fil-logħba. Fi tmiem il-partita kien hemm ċelebrazzjonjiet mill-partitarji numerużi ta’ Floriana li komplew isegwu l-iktar bidu pożittiv li kellu t-tim tagħhom fl-istorja riċenti.