Futbol Sport

Everton isalvaw punt lejn it-tmiem u jitilfu lil Gomes f’inċident sfortunat

(Ritratt: EPA)

Cenk Tosun evita telfa oħra għal Everton hekk kif spiċċaw fi draw kontra Tottenham f’Goodison Park. Dan id-draw ftit għen liż-żewġ timijiet hekk kif Tottenham għadhom mingħajr rebħa barra minn darhom fil-kampjonat minn Jannar filwaqt li Everton jinsabu fis-17-il post. Spikka bla dubju l-inċident li kellu l-midfielder ta’ Everton Andre Gomes li sofra minn daħla kerha fl-għaksa. Dele Alli kien xeħet lil Tottenham fil-vantaġġ wara 63 minuta b’konklużjoni fil-baxx.

L-inċident ta’ Gomes seħħ fid-79 minuta meta twaqqa’ fil-kaxxa minn Heung-Min Son, bil-Portugiż teħillu l-għaksa mal-ħaxix hekk kif anki kien ġej Serge Aurier. Fil-bidu, Son ingħata karta safra iżda ftit wara ġie muri l-karta l-ħamra, bil-Korean deher imbikkem għal dak li seħħ. Gomes kellu joħroġ mill-pitch fuq stretcher u sforza 12-il minuta ta’ ħin żejjed. Tosun skorja l-gowl tad-draw fis-97 minuta b’daqqa ta’ ras b’saħħitha wara kross mil-lemin.

Wara l-logħba, il-manager ta’ Everton Marco Silva qal li kien ċert li Son ma daħalx biex iweġġa’ l-plejer filwaqt li l-manager ta’ Tottenham Mauricio Pochettino żvela li xi plejers ta’ Everton kellmu lil Son wara l-logħba biex jikkonslawh.