BERGAMO – Cagliari telgħu mal-ewwel erbgħa fil-klassifika wara rebħa ta’ 2-0 kontra Atalanta fil-Gewiss Stadium. Huma fetħu l-iskor fit-32 minuta meta minn free-kick mil-lemin, daqqa bit-takkuna ta’ Giovanni Simeone ħabtet ma’ Jose Palomino u Mario Pasalic, bil-ballun jispiċċa fix-xibka. Seba’ minuti wara, Josip Ilicic tkeċċa għal Atalanta, b’CHRISTIAN OLIVA jirdoppjha fit-58 minuta wara li rċieva mingħand Simeone.
GENOVA – Genoa kienu megħluba fi Stadio Marassi minn Udinese 3-1. GORAN PANDEV kien poġġa lil Genoa minn fuq fit-22 minuta f’azzjoni maħduma tajba, iżda RODRIGO DE PAUL ġab id-draw għaxar minuti wara b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa. KEN SEMA poġġa lil Udinese fil-vantaġġ fit-88 minuta b’xutt djagonali għar-rokna u fl-94 minuta KEVIN LASAGNA ssiġilla r-rebħa.
LECCE – Lecce u Sassuolo baqgħu b’punti ndaqs fil-klassifika wara draw ta’ 2-2 f’Via del Mare. Kien GIANLUCA LAPADULA li fetaħ l-iskor għal Lecce fit-18-il minuta sakemm JEREMY TOLJAN ġab id-draw b’xutt mill-ponta tal-kaxxa ż-żgħira. Lecce reġgħu marru minn fuq fit-42 minuta bi free-kick ta’ FILIPPO FALCO iżda Sassuolo salvaw il-logħba fil-85 minuta b’xutt fil-baxx ta’ DOMENICO BERARDI.
VERONA – Verona telgħu fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika b’rebħa ta’ 2-1 kontra Brescia fi Stadio Bentegodi. Iż-żagħżugħ EDDY SALCEDO fetaħ l-iskor fil-50 minuta b’daqqa ta’ ras minn korner mil-lemin, b’MATTEO PESSINA jiskorja b’xutt preċiż fil-baxx fil-81 minuta. Erba’ minuti wara, MARIO BALOTELLI naqqas id-distakk b’xutt għar-rokna ta’ fuq tax-xibka minn barra l-kaxxa. F’din il-logħba, Balotelli kien fil-mira ta’ korijiet razzisti fejn anki kellha titwaqqaf il-logħba għal xi ħinijiet.
Serie A
Ilbieraħ: Bologna v Inter 1-2, Roma v Napoli 2-1, Torino v Juventus 0-1
Illum: Atalanta v Cagliari 0-2, Genoa v Udinese 1-3, Lecce v Sassuolo 2-2, Verona v Brescia 2-1, Fiorentina v Parma 6.00pm, Milan v Lazio 8.45pm
Għada: Spal v Sampdoria 8.45pm
//= $special ?>