Rapport: George Cassar
HIBERNIANS……….. 1
SLIEMA W……………. 0
Hibernians: M. Jovicic, T. Tabone Desira, G. Izquier, A. Agius, F. Apap, L. Da Silveira, D. Vella, J. Mbong, J. Grech (J. Wemmer 69’), L. Nanni (B. Kristensen 85’), I. Iriberri
Sliema: E. Elezaj, J. Mintoff, K. Shaw, J. Pearson (G. Barone 90’), R. Carvajal, E. Agius (A. Satariano 68’), C. Pani, M. Scerri, C. Zappa (S. Miloskovis 68’), Y. Cisotti, S. Sow
Imwissija: F. Apap 45’ (H), R. Carvajal 57’ (S), S.Sow 65’ (S)
Tkeċċa: M. Scerri 83’ (S)
Skorja: D. Vella 58’ (H)
Referee: Malcolm Spiteri
Assistenti Referees: Duncan Sultana, Christopher Francalanza
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Dunstan Vella (Hibernians)
BOV Plejer tal-logħba: Dunstan Vella (Hibernians)
Attendenza: 1,343
Hibernians qabżu lil Valletta u telgħu fir-raba’ post b’rebħa minima fuq Sliema Wanderers. Minkejja li m’għamlux affarijet kbar, il-Pawlisti ħadu li riedu u taw ir-raba’ telfa konsekuttiva lis-Slimiżi li reġgħu ħarġu b’idejhom vojta.
Dan ir-riżultat kompla jtawwal il-kriżi ta’ Sliema li wara disa’ logħbiet għad għandhom biss total miżeru ta’ ħames punti. Żgur li l-amministrazzjoni Slimiża trid tieħu deċiżjonijiet importanti biex b’xi mod tipprova twaqqaf dan li jista’ jitqies l-agħar bidu li kellhom il-Wanderers f’dawn l-aħħar snin.
Qabel il-partita kien hemm minuta silenzju b’rispett lejn Anthony Zarb magħruf bħala “Il-Caravaggio” li fil-passat kien jieħu ħsieb is-Centenary Stadium u li miet fi tmiem il-ġimgħa.
L-ewwel azzjoni perikoluża ħolquha Sliema li fl-għaxar minuta resqu qrib il-gowl b’ċans tajjeb meta minn kross ta’ Claudio Zappa, l-eks Jonathan Pearson mattar siequ mill-viċin iżda sab lil Marko Jovicic jilqagħlu.
F’nofs l-ewwel taqsima kien hemm żewġ tentattivi ta’ Jake Grech li l-ewwel wieħed għadda barra u t-tieni ġie milqugħ minn Entonjo Elezaj fil-baxx. Qabel intemmet l-ewwel taqsima Mark Scerri approfitta minn żball ta’ Leandro da Silveira avvanza, ġie f’pożizzjoni tajba iżda xxuttja barra.
Hibernians ħarġu iktar avventurużi fl-attakk fit-tieni taqsima u fit-tmien minuta Imanol Iriberri nġieb f’pożizzjoni tajba minn kross ta’ Timothy Tabone Desira, iżda minkejja li kien liberu quddiem il-lasta, ma kkontrollax tajjeb u l-ballun għaddielu minn taħt siequ.
Il-gowl li ddeċieda fejn marru t-tliet punti wasal żewġ minuti qabel is-siegħa logħob meta DUNSTAN VELLA ta kross mix-xellug li baqa’ dieħel direttament għal ġox-xibka fejn il-preżenza ta’ Ferdinando Apap quddiem il-lasta setgħet ingannat lill-gowlkiper Slimiż.
Sliema ma kinux perikolużi biżżejjed biex setgħu jheddu li jiksbu l-gowl tal-parità u seba’ minuti mit-tmiem komplew jiżdidulhom il-problemi hekk kif il-captain Mark Scerri tkeċċa wara li imbotta lil Jens Wemmer waqt li l-logħob kien wieqaf biex ħalla lil sħabu jilagħbu bi plejer inqas għall-aħħar minuti tal-logħba.
//= $special ?>