Raġel armat b’sikkina darab lil talanqas erba’ persuni ġo kumpless kummerċjali fid-distrett ta’ Tai Koo, f’Hong Kong. L-aggressur, imbagħad, spiċċa mrażżan min-nies li kienu preżenti, bil-kumpless partikulari jipprovdi l-isfond għal waħda mid-dimostrazzjonijiet ġodda ta’ kontra l-Gvern li żbruffaw fl-aħħar sigħat.
Id-dimostrazzjonijiet attwali huma relatati għall-kampanja favur id-demokrazija mir-residenti ta’Hong Kong u l-istampa lokali qalet li l-attakk mir-raġel armat ‘kien xprunat minn differenzi politiċi’.
Intant, id-dimostranti ta’ kontra l-Gvern ħolqu kaos sħiħ fiz-zoni kummerċjali ta’ Hong Kong waqt li ġġieldu kontinwament mal-pulizija għal kontra l-irvellijiet. Il-konfronti komplew fuq il-battalji tas-Sibt bejn dimostranti u l-qawwiet tal-liġi, b’talaħħar jirreaġġixxu għat-tfigħ ta’ bombi tal-petrol bl-isparar tal-gass tad-dmugħ u l-kanuni tal-ilma.
Kien hemm sensiela ta’ konfronti vjolenti u mhux ftit tal-vandaliżmu qalb il-kumplessi kummerċjali fl-ibliet tat-Territorji l-Ġodda, fosthom Tai Po, Tuan Mun u Sha Tin. Il-pulizija f’dawn l-inħawi sparaw il-pepper spray waqt li d-dimostranti fl-inħawi nfexxew f’għajjat abbużiv fil-konfront tal-qawwiet għaz-zamma tal-ordni. Numru ta’ adulti u adolexxenti f’Sha Tin inġabru mill-pulizija ‘għal interrogazzjoni’.
Fil-battalji ta’ tmiem il-ġimgħa, id-dimostranti favur id-demokrazija f’Hong Kong – li r-Renju Unit kien irritornah liċ-Ċina fl-1997 – ikkonfrontaw lill-pulizija fost espressjonijiet ta’ għadab għall-mexxejja tal-Partit Komunista taċ-Ċina. Id-dimostranti f’Hong Kong huma rrabjati għal dak li qed iqisu bħala l-indħil ta’ Beijing fl-affarijiet tat-territorju (Hong Kong) semi-awtonomu, biċ-Ċina qed tiċħad li dan hu minnu.
Fl-aħħar inċidenti, id-dimostranti f’Hong Kong anki wettqu ħsarat kbar fi stabbilimenti kummerċjali meqjusin bħala ‘favur iċ-Ċina’.
Sadanittant, il-media uffiċjali taċ-Ċina qed tikkundanna l-inċidenti f’Hong Kong u ‘il-vjolenza tad-dimostranti lebsin l-iswed’ fit-territorju. Il-media Ċiniża kompliet li l-awtoritajiet f’Hong Kong iridu jagħtu priorità lill-inizjattivi li jwaqqfu l-vjolenza u li jirristawraw l-ordni fl-artijiet tagħhom.
//= $special ?>