Il-Ħabs ta’ Kordin mill-ġdid taħt il-lenti u fiċ-ċentu ta’ aktar kontroversji għall-mod kif 107 immigrant mibgħuta l-Ħabs sakemm jinstema’ l-każ tagħhom spiċċaw umiljati, fiżikament imsawta u mħollija ħafna u, kważi, miċħuda mill-ikel.
Il-Ħabs ta’ Kordin, li jitmexxa mid-Direttur Alexander Dalli, spiċċa biex f’Diviżjoni 6 kien ippakkjat b’107 immigrant.
Jirriżulta li f’dawn iċ-ċelel, maħsuba għal sodda waħda biss, tpoġġew bejn erba’ immigranti u tmien immigranti. Fil-fatt jirriżulta li f’numru ta’ ċelel kien hemm erba’ priġunieri; f’numru ieħor ta’ ċelel kien hemm ħames priġunieri; f’numru ieħor kien hemm sitt priġunieri u f’ċella oħra kien hemm tmien priġunieri.
Wieħed jista’ japprezza kif ċella ċkejkna spiċċat b’aktar minn priġunier wieħed fiha bir-riżultat li numru ta’ immigranti kellhom jorqdu fl-art.
Dawn il-107 immigranti spiċċaw fil-Ħabs ta’ Kordin wara l-irvellijiet gravi li kienu seħħew fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni f’Ħal Far fejn kienet saret ħsara kbira lill-istess binja bi ħruq, tfigħ ta’ ġebel u tkissir ieħor.
Hekk kif dawn l-immigranti, fi gruppi żgħar, tressqu l-Qorti, dawk li ma ammettewx l-akkużi ntbagħtu l-Ħabs sakemm jissoktaw il-proċeduri fil-konfront tagħhom. Minn dawn b’kollox kien hemm 107 persuna li hekk kif twasslu fil-Ħabs ta’ Kordin, ittieħdu f’Diviżjoni 6, tneżżgħu għarwenin ħuta u ngħataw ħasla b’ilma kiesħa bil-pajp.
Min tkellem ma’ il-mument u għaddielna din l-informazzjoni qalilna wkoll li f’dawn il-mument, dawn l-immigranti allegatament kienu msawta minn numru ta’ membri tal-SRT u dan kollu fil-preżenza ta’ Uffiċjali għolja tal-Ħabs u erba’ supervisors.
Fi tmiem din l-umiljazzjoni u l-istorbju li nqala’, l-immigranti ngħataw boiler-suit oranġjo, filwaqt li ma ngħataw l-ebda tip ta’ żarbun u għalhekk tħallew ħafja.
Ta’ min ifakkar li d-Diviżjoni 6 tal-Ħabs ta’ Kordin hi waħda kkundannata u sa dan is-sajf li għadu kemm għadda, kien hemm rapporti dwar wirdien u ġrieden fiha. Fi ftit kliem din hi Diviżjoni karatterizzata minn ħafna ħmieġ.
Jirriżulta wkoll li fl-ewwel jiem dawn l-immigranti tħallew maqfula fiċ-ċella li tpoġġew fiha. Dan sar għal mill-inqas tlett ijiem u bi ksur tad-drittijiet tal-priġunieri li tal-inqas kuljum għandhom jingħataw siegħa ‘l barra miċ-ċella f’post miftuħ għall-arja.
Darba dawn l-immigranti ntbagħtu l-Ħabs, l-istess persuni ngħataw jieklu bezzun bil-koslo biss għal matul il-jum. Mill-bqija huma tħallew bil-ġuħ għall-kumplament tal-jum. Fil-fatt dan il-bezzun bil-koslow kien qed jingħatalhom f’xi ħin filgħaxija.
Dwar dan it-trattament nifhmu li l-istess immigranti ilmentaw mal-Uffiċjali tal-Ħabs li iżda min-naħa tagħhom qalulhom li dik kienet l-ordni… li jagħtuhom jieklu bezzun wieħed biss u li jżommuhom maqfula fuq xulxin fiċ-ċella fejn kienu qed jinżammu.
Fost l-aktar gravi f’dan it-trattament inuman u mill-aktar umiljani kien dak meta l-istess immigranti tneżżgħu għarwenin, ġew maħsula b’mod kollettiv bl-ilma kiesaħ fil-bitħa ta’ Diviżjoni 6 u wara msawta bl-idejn.
Nifhmu li dwar dan kollu għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fost il-priġunieri talbu lill-Ministru Michael Farrugia li hu responsabbli mill-Ħabs, biex jiftaħ investigazzjoni serja. Skont sorsi infurmati fost dawn l-għaqdiet mhux governattivi, is-sitwazzjoni fil-Ħabs spiss qed taħrab minn kull kontroll u ssir waħda mill-aktar perikoluża. U dan mhux fir-rigward ta’ priġunieri barranin biss, imma anki fost priġunieri Maltin ukoll.
Każ tipiku hu dak tal-priġunier Żabbari li fil-jiem li għaddew instab mgħallaq fiċ-ċella tiegħu f’Diviżjoni 4 u dan meta f’din iċ-ċella suppost li kien hemm żewġ priġunieri.
Din hi l-ħames mewta tax-xorta tagħha fil-Ħabs ta’ Kordin fl-aħħar xhur u alla jbierek ħadd ma jieħu r-responsabbiltà għal dak li qed jiġri ‘l ġewwa mir-rixtellu ta’ barra tal-Ħabs ta’ Kordin fejn jissoktaw skandli ta’ Uffiċjali li jaħsbu li jistgħu jheddu u jagħmlu li jridu, jew inkella li jiddeċiedu huma kemm jagħmlu sahra.
Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalulna li ma jistgħux jifhmu kif dan il-priġunier partikulari – li miet fiċ-ċella – spiċċa ttieħed l-Isptar Mater Dei xorta waħda b’ambulanza. Dan meta hu stat magħruf li persuna mejta ma titgħabba qatt f’ambulanza biex tittieħed l-Isptar. Iżda f’dan il-każ xi ħadd ta l-ordni biex xorta waħda dan il-katavru jitgħabba fl-ambulanza u jittieħed ‘il barra mill-binja tal-Ħabs.
Li hu stat ta’ fatt ċert fir-rigward ta’ dan l-inċident ikrah hu li għalkemm il-priġunier kellu l-problemi personali tiegħu minħabba affarijiet fil-familja, kien ukoll imdejjaq ħafna bil-mod kif kien qiegħed ikun trattat fil-Ħabs fejn qajla kien qiegħed isib xi ħajt għall-kenn fejn seta’ jsib lil xi ħadd li jisma’ l-karba tiegħu.
Mhumiex biss il-priġunieri li huma mdejqa fil-Ħabs ta’ Kordin, imma anki bosta Uffiċjali u membri tal-SRT li qed ikomplu jesperjenzaw moqżiżati fil-mod kif qed ikunu trattati. Min jilgħaq u jiġġagbina allura jispiċċa fil-good books, iżda min jibqa’ sod mal-prinċipji tiegħu, jispiċċa iżolat u mwarrab.
Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalulna li huma ma jistgħux jifhmu kif saħansitra d-Direttur tal-Ħabs jibqa’ jippermetti klieb mill-aktar perikolużi fil-binja tal-Ħabs. Diġà kien hemm żewġ inċidenti serji fejn klieb gidmu lil żewġ Uffiċjali tal-Ħabs.
Min tkellem ma’ il-mument staqsa jekk inċident simili jseħħ fil-konfront ta’ xi priġunier?
//= $special ?>