Ftehim għar-restrizzjoni tal-immigranti u r-refuġjati li qegħdin jaslu l-Italja mil-Libja spiċċa mġedded ‘awtomatikament’ fi tmiem il-ġimgħa – bil-Gvern Taljan ġdid mhu qed juri l-ebda intenzjoni li jibdel din il-politika, minkejja t-talbiet tal-gruppi favur id-drittijiet umani għall-irtirar tal-ftehim.
Il-ftehim iffirmat fi Frar tal-2017 bejn l-Italja u l-Gvern Libjan tal-Prim Ministru Fayez al-Sarraj (li qed igawdi l-għarfien tan-Nazzjonijiet Uniti) ifassal qafas ta’ politika biex iż-żewġ pajjiżi jaħdmu flimkien f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ‘kooperazzjoni għall-iżvilupp, fost inizjattivi biex (il-pajjiżi) jikkonfrontaw l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin.
Impenn ieħor hu għat-tisħiħ tas-sigurtà ‘mal-fruntiera tal-Italja u l-Libja’. Dan meta l-Gvern ġdid f’Ruma, issa, qed jagħmilha ċara li se jkompli jaħdem ‘b’dan il-mod mas-sieħba Libjani’ u li mhux se jaqbad xi direzzjoni ġdida.
Il-ftehim jimpenja lill-Italja biex tipprovdi t-taħriġ u r-riżorsi lill-gwardjani tal-kosta Libjani minbarra li (flimkien mal-Unjoni Ewropea) tiffinanzja liċ-ċentri għall-immigranti li, fil-preżent, qegħdin iżommu mal-4,500 fi stat ta’ detenzjoni.
Eluf oħra qed jinżammu f’ċentri tad-detenzjoni ‘mhumiex uffiċjali’ fil-Libja u fejn huma taħt il-kontroll tal-gruppi armati. Dawn l-immigranti qegħdin isofru minn dak li n-NU kienet fissret bħala ‘orrur immaġinabbli u li huma bdew jesperjenzaw mill-mument li daħlu f’dak il-pajjiż. Hu rappurtat li l-immigranti qed ikunu suġġetti għal tortura, stupru, skjavtu u xogħol sfurzat taħt it-traffikanti, movimenti armati u uffiċjali tal-Istat.
Il-kundizzjonijiet fil-Libja qalbu għall-agħar mindu l-Kmandant tal-Armata Libjana tal-Lvant, Khalifa Haftar, f’April, fetaħ offensiva biex jaħtaf il-kontroll ta’ Tripli . Fl-istess ħin, iċ-ċentri għad-detenzjoni tal-immigranti spiċċaw ukoll mira tal-ġlied fil-Libja.
Madankollu, il-Gvern Taljan qed jgħid li l-ftehim mal-Libja – iffirmat mill-amministrazzjoni taċ-ċentru-xellug ta’ qabel il-koalizzjoni (illum xolta) tal-Partit tal-Lega u l-Moviment Cinque Stelle – qiegħed jgħin biex jikkontrolla l-wasla tal-immigranti illegali fl-Italja.
Intant, il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin, Luigi di Maio, wiegħed biex itejjeb il-ftehim mal-Libja li jiġġedded kull tliet snin, iżda kapaċi jkun modifikat fi kwalunkwe ħin. Dan waqt li għandha tittieħed ‘attenzjoni speċjali għaċ-ċentri tal-immigranti u l-kundizzjonijiet ta’ ġo fihom’.
L-istatistika tal-UNHCR (l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati) turi li talanqas 36,000 persuna kienu interċettati mill-gwardjani tal-kosta Libjani u rritornati lejn il-Libja mindu kien iffirmat dan il-ftehim.
//= $special ?>