Lokali

Jikber it-tħassib fost il-ħaddiema u l-unions dwar Steward Health Care

Wara dak żvelat minn il-mument ftit tal-Ħdud ilu dwar l-inċertezzi u t-tħassib li qed jaħdem fihom Steward Health Careu kemm-il futur ta’ din il-kumpanija f’Malta hu wieħed sod, issa anki l-unions tal-ħaddiema f’dawn it-tliet sptarijiet qed juru x-xettiċiżmu tagħhom.

Dan it-tħassib ġej mill-fatt li l-ħaddiema f’dawn it-tliet sptarijiet qed ikomplu jesperjenzaw nuqqas ta’ interess u nuqqas ta’ investiment – anki mill-aktar bażiku – mill-kumpanija fit-tmexxija ta’ kuljum kemm tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, kemm tal-Isptar San Luqa u anki tal-Isptar Karen Grech.

Ħaddiema Għawdxin u anki Maltin li jservu fid-diversi rwoli f’dawn it-tliet sptarijiet qed iwasslu lill-union rispettiva tagħhom informazzjoni kontinwa dwar kif it-tmexxija tal-kumpanija Steward Health Care mhux biss jidher li ma għadx fadlilha flus biex tkompli taħdem u tmexxi lil dawn it-tliet sptarijiet li sa ftit snin ilu kienu tal-poplu Malti u Għawdxi, talli kollox jindika li l-operat attwali jista’ jitwaqqaf ħesrem u din il-kumpanija tabbanduna lil pajjiżna.

Dawn il-ħaddiema diġà għexu l-esperjenza ta’ dak li għamel il-Vitals meta wara li dabbret mal-€50 miljun f’sussidju, ħalliet lil pajjiżna bħal mil-lejl għan-nhar u kulħadd baqa’ billi ħa… jiġifieri bil-poplu Malti u Għawdxi misruq flejjes kbar minn ħalqu b’riżultat tal-ftehim sigriet li l-Gvern Malti kien għamel minn wara dahar kulħadd mal-Vitals.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju preokkupanti għall-ħaddiema li huma fuq il-kotba ta’ Steward Healthcare, it-talba tal-istess ħaddiema hi li jkollhom is-serħan tal-moħħ billi l-Gvern jiddikjara li hu lest li jassorbi lill-ħaddiema kollha ta’ Steward Health Caref’każ li l-istess kumpanija ttemm l-operat tagħha fil-gżejjer Maltin.

Fil-jiem li għaddew l-istess UĦM Voice of the Workers wissiet li lesta tieħu kwalunkwe azzjoni possibbli, fosthom anke legali, f’każ li l-Gvern jibqa’ ma jassorbix il-ħaddiema ta’ Steward Healthcare. Dan wara li ilha mis-sajf tinsisti biex dan il-pass isir.

Tajjeb li wieħed ifakkar ukoll li fl-isfond ta’ dan il-kwadru mwiegħer kollu, il-kundizzjonijiet għall-impjegati ta’ Steward Health Care mhumiex l-istess bħal tal-kollegi impjegati mal-Gvern, bit-tmexxija ta’ Steward Health Care qed tibqa’ tinsisti li ma tagħtix l-istess pagi u kundizzjonijiet, f’sinjal ċar ta’ abbuż li l-Gvern qed iħalli jsir fl-isptarijiet pubbliċi.

Bla dubju ta’ xejn li din it-telqa minn Steward Health Care, anki fil-konfront dirett tal-impjegati tagħha, hi xhieda wkoll ta’ prekarjat ieħor maħluq mill-Gvern, bi tħassib kien espress anke minn unions oħrajn.

Bir-raġun kollu li f’dawn il-jiem anki Martin Balzan, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tat-Tobba, talbet lill-Gvern biex ma jibqax jagħti flus il-Maltin għal “ftehim fallut” li sar fis-settur tas-saħħa.

Il-President tal-MAM qiegħed jenfasizza li l-Gvern qiegħed joħroġ il-miljuni ta’ flus il-Maltin biex ikun onorat “ftehim fallut” li falla bl-għemil tal-Gvern stess. “Il-mudell li ntuża ma’ Vitals u li alla jaf fejn marru l-flus u x’sar minnhom… u ma’ Steward Healthcare… dak il-mudell falla… allura aħna se nibqgħu noħorġu ħamsin miljun ewro u nistennew il-ħuta titla’ mill-baħar?”

F’kumment Martin Balzan saħaq li għall-flus li l-poplu Malti ħareġ għall-iżvilupp tat-tliet sptarijiet li l-Gvern Malti biegħ –  l-Isptar Karen Grech, l-Isptar San Luqa u l-Isptar t’Għawdex –  il-Gvern kien kieku jibni mill-ġdid l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.  

Hu żied jikkummenta li dawn il-€50 miljun fis-sena li fuq 30 sena jiġi jiswa biljun u nofs… allura dan l-imsejjaħ investiment huwa piż kbir fuq il-Maltin. Il-parir tagħna huwa li jekk Steward iridu jitilqu, mela nħalluhom jitilqu.”

Martin Balzan enfasizza li Steward Health Care mhux biss kienu heddew li jitilqu minn pajjiżna, iżda riedu aktar flus.

Kien hawnhekk li hu qal li jekk il-mudell falla, “mela dan inħalluh jitlaq, għax mhux jagħmel li għandu jagħmel, aħseb u ara kemm se jagħmel aktar.”

Il-President tal-MAM isostni li jaqbel mal-MUMN, għax vera l-Isptar Karen Grech qed jaqa’ biċċiet. Illum ukoll tmur l-Isptar ta’ San Luqa, jiġik sentiment ta’ dieqa għax huwa abbandunat. “Dan mhux l-investiment li rridu li jkollna fis-settur tas-saħħa f’Malta.”

Dwar l-Awditur Ġenerali, hu qal li dan kien mitlub jevalwa dan il-kuntratt, iżda wara sentejn għadu ma sar xejn. “L-Awditur Ġenerali jrid jagħmel dmiru u jagħmel xogħlu kif għandu jkun.”

Tajjeb li wieħed josserva wkoll li Barts Medical ħarġet minn Steward Health Care, bil-Gvern iħallas €1.3 miljun fis-sena, għal 30 sena, biex jonfqu €35 miljun. Investiment barrani li l-Gvern ħabbar b’ħafna pompi iżda li se jkun qiegħed iħallas hu xorta waħda.

Fir-realtà l-kostruzzjoni ta’ din l-art li ġiet tiswa €35 miljun, iżda fl-estimi li għamlu l-MAM, bil-valur tal-art inkluż, il-proġett ma kellux jaqbeż it-€3 miljun.

Mill-indaġni li għamel il-mument jibqa’ fiċ-ċert li Steward Health Care, li għandha f’idha t-tmexxija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, tal-Isptar Karen Grech u tal-Isptar San Luqa, tilfet kull interess fihom tant li fl-aħħar ġimgħat l-investiment fil-faċilitajiet tal-istess sptarijiet u n-nefqa fiż-żamma tat-tliet binjiet kienet mill-inqas possibbli, jew kważi xejn.