Lokali

Joseph Muscat jiġġustifika l-permess għal villa ODZ fil-Qala: “Vot skont il-policy”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat il-Ħadd iġġustifika l-permess maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini ta’ villa f’art ODZ fil-Qala.

Biex jgħatti l-fatt li fost oħrajn ivvota favur anke d-Deputat Laburista Clayton Bartolo, Joseph Muscat qal li kollox mexa’ skont il-policy, u li jekk hemm xi ħaġa ħażina, hi l-policy.

Dan hekk kif Muscat mar f’Għawdex biex jipprova jsewwi l-ħsara li wieħed mill-ikbar skandli riċenti f’Għawdex għamel lir-reputazzjoni tal-Partit Laburista

Iżda minn diskors ta’ iktar minn nofs siegħa, Joseph Muscat qatta’ biss inqas minn ħames minuti, fejn waħħal kollox fl-Awtorità tal-Ippjanar u qatt ma semma’ lid-Deputat ħabib tiegħu stess li vvota favur dan il-permess.

U waqt li l-Oppożizzjoni minn dejjem kienet kontra li joħroġ dan il-permess, hu ddikjara li wara kulħadd bravu, biex jgħatti d-deċiżjoni ta’ Gvern Laburista kontra l-Għawdxin.

Il-kelliema ta’ qablu, is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes u l-Ministru Edward Scicluna, injoraw għalkollox din il-kwistjoni.

Għall-kuntrarju, esponenti Laburisti komplew jikkritikaw lill-Gvern tagħhom stess. Cyrus Engerer qal li l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar għandu jinbidel u appella biex biex il-permess jiġi revokat immedjatament.

L-eks mexxej Laburista Alfred Sant iddikjara li -irtirar tal-imprenditur li ppropona l-bini ta’ villa barra l-Qala milli jkompli bil-permess li ngħata lbieraħ mill-Planning Commission tpoġġi liċ-chairperson ta’ din il-Kummissjoni f’qagħda impossibbli.

Qal li moralment u professjonalment għandha tirriżenja mill-kariga fejn tinsab għax il-konflitti ta’ interess — jew id-dehra tagħhom — saru lampanti.